Ir-rebbieħ tal-Premju ta’ Anzjanitá attiva ta’ din is-sena, li ntgħażel b’mod unanimu huwa is-Sur Joe Bartolo, li flimkien ma’ oħrajn fl-1983 waqqaf l-Għaqda Filantropika Talent Mosti li sal-lum għadu President tagħha fl-età ta’ 71 sena.
Bil-ħidma tiegħu fl-1997 l-Għaqda kisbet it-tmexxija tar-Razzett tal-Markiż għal għanijiet kulturali li minnhom għenet lill-proxxmu u l-aktar istituzzjonijiet volontarji oħra. Fi kliem il-ġurija, Joe Bartolo b’mod kostanti u minkejja sfidi personali u tal-familja, kien strumentali biex il-post kiber minn ċentru ta’ kultura lokali għal livell internazzjonali u flimkien ma’ sħabu żewweġ l-arti mal-filantropija.
Fid-diskors tal-okkażjoni, is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana, qalet li dan il-premju huwa rikonoxximent għal dawk li l-aktar jirnexxilhom, minkejja l-età, jirrendu l-ħajja mżejna wkoll b’ħidma ta’ siwi għalihom infushom u għal ta’ madwarhom.
Dan mhux premju ta’ xi tellieqa, imma għarfien lil min juri kuraġġ u determinazjoni li ħajtu tibqa’ tkun ta’ fejda. Fi kliem is-Segretarju Parlamentari, l-Gvern hu kommess li jinkoraġġixxi lill-anzjani li jridu jibqgħu għaddejjin f’xi ħidma jew oħra, kemm għall-ġid personali tagħhom kif ukoll għas-soċjetá mmedjata madwarhom u għall-bqija tal-pajjiż.
Għal dan il-premju kienu nominati 24 persuna – 9 nisa u 15-il raġel.