Dawn il-pitturi huma ta’ ‘George’ li għandu 43 sena. Raġel miżżewweġ b’żewġt’itfal, wieħed ta’ tliet snin u ieħor ta’ erba’ xhur.
George huwa isem fittizju, pero l-istorja tiegħu reali ħafna. Illum-il ġurnata għandu impjieg full time. Iżda ġej minn familja bi storja ta’ dipendenza fuq ix-xorb – ħaġa li tgħallem jobgħod, u għalhekk dar fuq il-kannabis meta kellu 22 sena. Dan għamlu sabiex ikun jista’ jirrilassa u jneħħi xi ftit mit-tensjoni li kien imdawwar biha.
Meta kellu 27 sena, issepara minn ma’ martu, u ħabib tiegħu introudċih mal-eroina, sabiex itaffi ftit minn dak l-uġiħ ukoll. Dan tnax-il sena u nefaq ħafna flus juża din id-droga fuq bażi regolari.
Meta kellu kważi 35 sena, introduċewh mall-Fondazzjoni OASI, fejn ħajtu daret dawra għall-aħjar. Permezz tal-programm residenzjali u t-terapija, irenxxilu jżomm ‘l bogħod minn sustanzi ħżiena. Issa ilu tmien snin.
Jgħidilna li kull meta jaqta’ l-cake ta’ għeluq sninu, jiftakar b’mod ċar il-memorji tal-ewwel ‘birthday’ li qatta’ mingħajr dipendenzi.
Il-gratitudni jesprimiha permezz tax-xogħol artistiku tiegħu. Għal dawn l-aħħar 25 sena, il-Fondazzjoni OASI fir-Rabat Għawdex, kienet protagonista ta’ ħafna stejjer smili. Stejjer ta’ tama għal ġejjieni aħjar, ‘l bogħod mid-dipendenzi.