BIL-FILMAT: Entużjasti anke jekk li jqumu kmieni ma togħġobhomx – One News

BIL-FILMAT: Entużjasti anke jekk li jqumu kmieni ma togħġobhomx

Illum studenti ta’ kull etá jirritornaw lura l-iskola biex jibdew sena skolastika ġdida. Iżda jispikka l-eċitament fost l-istudenti li se jkunu qegħdin iżanżnu skola ġdida f’Ħal Kirkop. Dawn l-istudenti se jkunu qed jagħmlu tranzizzjoni mill-iskola Primarja għal dik Sekondarja. Fi żjara li għamel ONE NEWS f’din l-iskola, wieħed jista’ jinnota l-eċitament fost l-istudenti biex jaraw min se jkollhom fl-istess klassi tagħhom u liema għalliema se jgħallmuhom.

Fil-kummenti tagħhom it-tfal stqarru li jinsabu kuntenti li se jerġgħu jibdew l-iskola u li jiltaqgħu ma sħabhom. Huma jinsabu wkoll xi ftit anzjużi għall-fatt li issa se jkollhom aktar suġġetti, fosthom suġġetti ġodda li qatt ma kellhom qabel.  Kien hemm min gerger xi ftit, hekk kif wara l-vaganzi jridu jerġgħu jibdew iqumu kmieni biex ikunu fil-ħin għall-lezzjonijiet.

Nistgħu ngħidu li l-ġenituri huma eċitati daqs it-tfal, u huma ħerqana biex jisimgħu l-esperjenza tat-tfal wara li jirritornaw minn ġurnata skola. Il-ġenituri stqarru magħna li l-akbar biża tagħhom f’bidu ta’ sena skolastika ġdida jkun li t-tfal tagħhom ikunu vittmi ta’ bullying iżda tispikka l-fiduċja li huma għandhom fl-għalliema, hekk kif jemmnu li se jkunu qegħdin jagħmlu ħilithom biex kull student ikun kuntent.

L-għalliema spjegaw kif se jkunu qed jaħdmu bi sħiħ biex it-tranzizzjoni għal dawn l-istudenti tkun waħda faċli u li għalihom din hija ġurnata bħall-oħrajn, li matula se jkunu qed jagħmlu ħilithom biex joffru l-aħjar servizz lit-tfal tagħna. Huma fissru, li anke huma għandhom kurżita liema tfal se jkollhom u liema se jkun is-suġġett li l-iżjed imorru tajjeb fih.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend