Kienet ippreżentata d-dehra l-ġdida tal-Kumpless Sportiv tal-Kottonera. F’dawn l-aħħar xhur kien għaddej xogħol bla waqfien mill-ħaddiema ta’ SportMalta biex isir tibjid u tisbieħ fid-dehra estetika tal-Kumpless li issa tirrifletti l-branding il-ġdid tal-entità. Iżda l-akbar kambjament li wieħed jista jara huwa l-art il-ġdida li tqegħdet fis-sala prinċipali b’investiment ta’ madwar €120, 000. Din l-art hija tal-għola kwalità u se tagħti garanzija li issa SportMalta hija f’pożizzjoni li tospita kompetizzjonijiet internazzjonali hekk kif il-post iħabbata ma’ venues ta’ livell fl-Ewropa u kontinenti oħra.
Waqt ċerimonja ta’ inwagurazzjoni ntqal li dan l-investiment f’din l-art il-ġdida huwa riżultat ta’ kif f’dawn l-aħħar tliet snin SportMalta ħadmet qatiegħ biex ittejjeb il-kundizzjoni tal-faċiltajiet tagħha u tkompli tagħti servizz tal-għola kwalità kemm lill-assoċjazzjonijiet li jistgħu jipprattikaw l-isport f’lok li jixraqilhom, kif ukoll lill-poplu Malti li juża l-faċilitajiet ta’ SportMalta fuq bażi regolari.
Mark Cutajar, il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta rringrazzja lill-ħaddiema kollha li taw sehemhom biex din il-ħolma ssir realtà. Huwa esprima s-sodisfazzjoni tiegħu li l-messaġġ ta’ SportMalta li jħeġġeġ iżjed nies jersqu lejn l-attività fiżika u jżommu ‘il bogħod mill-ħajja sedentarja jidher li qed jasal bin-numru ta’ parteċipanti fil-programmi li toffri SportMalta jikber minn sena għal oħra.
Luciano Busuttil, Ċermen ta’ SportMalta saħaq li dan l-investiment jirrifletti l-policy ta’ SportMalta li tkun ta’ sostenn kontinwu lill-għaqdiet sportivi biex ikunu jistgħu ikabbru l-isport tagħom u jsibu kenn u sapport mill-entita’ ewlienija sportiva tal-gvern.
Min naħa tiegħu is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Chris Agius semma kif dan huwa investiment ieħor fin-nofsinhar tal-pajjiż u li din l-inawgurazzjoni tallum hija biss parti mill-bidla li ser issir fil-Kumpless tal-Kottonera, hekk kif saru l-applikazzjonijiet neċessarji għall-permessi mal-Awtorita tal-Ippjanar għall-bini ta’ pixxina indoor.
Il-mira hi li lejn il-bidu tas-sena ddieħla jkunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet. Intant wara li fi ftit ġimgħat oħra tkun tlestiet għal kollox il-pixxina ta’ Birżebbuġa, din is-sena wkoll jitkompla l-istudju fuq pixxina oħra fil-lokalità ta’ Wied il-Għajn u possibilità ta’ pixxina indoor oħra fil-kumpless ta’ Ħal Kirkop.