Il-Kummissjoni Ewropea tapprova l-ħolqien tal-Malta Development Bank – One News

Notifiki

Il-Kummissjoni Ewropea tapprova l-ħolqien tal-Malta Development Bank

Il-Kummissjoni Ewropea sabet li l-pjanijiet ta’ Malta għall-istabbiliment ta’ bank ta’ żvilupp huma konformi mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat.

Il-bank se jwettaq attivitajiet mhux kummerċjali sabiex jiffaċilita l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs u biex jappoġġa l-investiment fl-infrastruttura, mingħajr ma jfixkel indebitament il-kompetizzjoni.

F’Lulju 2016, Malta nnotifikat lill-Kummissjoni bil-pjanijiet biex tappoġġa l-ħolqien tal-Malta Development Bank (MDB) b’injezzjoni ta’ kapital ta’ €200 miljun u garanziji u eżenzjonijiet mit-taxxa b’valur ta’ madwar €55 miljun.

Il-MDB se jipprovdi finanzjament lil kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) li qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex jiffinanzjaw lilhom infushom mis-suq. Il-MDB jista’ wkoll jappoġġa proġetti infrastrutturali meta l-finanzjament ma jkunx biżżejjed jew mhux disponibbli fis-suq. Jista’ wkoll jipparteċipa fi strumenti finanzjarji tal-UE, bħal COSME (programm tal-UE għall-SMEs), Orizzont 2020 jew il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), li għandu l-għan li jappoġġa investimenti strateġiċi f’oqsma ewlenin fl-UE kollha.

Il-Kummissjoni vvalutat dawn il-miżuri skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, li bis-saħħa tagħhom l-Istati Membri jistgħu jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi. B’mod partikolari, il-Kummissjoni sabet li l-MDB se jipprovdi finanzjament lill-SMEs u proġetti ta’ infrastruttura biss fejn tali finanzjament ma jkunx disponibbli fis-suq. Dan se jevita li l-investiment privat jiġi eliminat mill-bank ta’ żvilupp appoġġat mill-Istat. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għan tal-attività tal-MDB mhux se jfixkel il-kompetizzjoni fis-Suq Uniku.

Minħabba li s-suq għall-SMEs u l-finanzjament tal-proġetti ta’ infrastruttura u partikolarment il-kamp ta’ applikazzjoni u n-natura tal-fallimenti tas-suq jistgħu jevolvu, il-Kummissjoni se terġa’ teżamina s-sejbiet tagħha fl-2019. Dan ir-rieżami se jkun ibbażat fuq rapport minn Malta dwar l-operazzjonijiet tal-MDB skont il-kamp ta’ applikazzjoni approvat.

Ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat jippermettu li l-Istati Membri jagħtu għajnuna lil Banek Promozzjonali Nazzjonali bħall-MDB, bil-kundizzjoni li jipprovdu finanzjament f’oqsma fejn il-fallimenti tas-suq iwasslu għal nuqqas ta’ finanzjament minn operaturi privati, jew fejn is-suq privat ma jipprovdix tali finanzjament waħdu.

Din l-aħbar intlaqgħet b’ sodisfazzjoni mid-Deputat Prim Ministru Louis Grech li stqarr li l-bank huwa pass fundamentali biex pajjiżna jespandi l-istruttura finanzjarja tiegħu. “Malta issa se jkollha istituzzjoni finanzjarja li tispeċjalizza fl-iżvilupp u li mhux se tkun iddirezjonata biss mill-profitti” saħaq Grech.

Id-deputat Prim Ministru qal li l-bżonn ta’ bank li jagħmel l-aċċess għall-finanzji iktar faċli kien ilu jinħass u li l-Gvern issa qed jistenna li l-bank ikollu rwol prominenti biex jistimula  l-investiment u t-tkabbir ekonomiku f’ pajjiżna.

Louis Grech fakkar li issa li pajjiżna se jingħaqad ma’ Stati Membri oħra li għandhom bank nazzjonali għall-iżvilupp qed titwettaq wegħda elettorali oħra. It-tieni qari tal-att dwar dan il-bank se jkun ippreżentat il-Parlament malli d-deputati jirritornaw lura mill-vaganzi tas-Sajf.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend