Staġun ta’ festi, bnadar u xorb – One News

Notifiki

Staġun ta’ festi, bnadar u xorb

Bħalissa ninsabu fl-aqwa tal-festi fl-irħula. Atmosfera tradizzjonali li jistennewha bil-ħerqa diversi nies li huma involvuti u oħrajn li jitpaxxew bil-festa tal-padrun jew padruna tar-raħal ukoll jekk dal-qaddisin padruni mhux dejjem jirċievu d-devozzjoni li wieħed jimmaġina tmur mal-manifestazzjoni ta’ mużika, briju, sparar u tiżjin mimli lwien. Din l-atmosfera tiġi normalment iddominata minn kulur partikulari, l-aktar aħmar, ikħal jew aħdar. Imma dawn ma jkunux l-uniċi kuluri. Fil-festi jiddomina wkoll ħafna l-isfar li jirrapreżenta lill-Knisja kif muri mill-bandiera safra u bajda tal-Vatikan.

Studju fuq Ħaż-Żabbar

Tkun nieżel mill-ajru bi nhar ma tistax ma tilmaħx għadd kbir ta’ bnadar iperpru fuq il-bjut fejn ikun hemm festa. Minħabba li jsegwu l-lewn tal-każin tar-raħal li jissimpatizzaw miegħu, tara toroq sħaħ, ġieli nofs ir-raħal iperper lewn filwaqt li r-rivali tagħhom iperpru l-lewn l-ieħor. Studjuża Franċiża Giovanna Iacovazzi m’ilux ippubblikat it-teżi tagħha ta’ seba’ snin ilu. Il-pubblikazzjoni tal-Fondation de Malte semmietha Un Bruit Pieux (Ħoss qaddis) bis-sotto-titlu Bandas, musique et fête dans un village maltais (Żabbar) – l-għan tagħha kien li tirriċerka, tistudja u tanalizza l-baned, il-mużika u l-festa Maltija kif osservatha Ħaż-Żabbar. Ħaditha bis-serjetà ħafna saħansitra mal-ktieb hemm inkluż CD li fiha ssib il-marci tal-festa tal-Madonna tal-Grazzja. Il-professur Alain Blondy li ilu jgħix fostna (u Pariġi) mill-1976 u li hu riċerkatur kbir tal-istorja tal-Kavallieri fostna, jgħid fid-daħla li l-baned, qabel daħlu l-Kunsilli Lokali, kien qieshom muniċipji Maltin. Jgħid ukoll li d-dilettanti tal-festa jibdew mill-għada li tgħaddi jhejju għal dik li ġejja.

Interessanti ferm f’dan l-istudju kif Iacovazzi tara li l-ilwien tal-bnadar fuq il-festuni, fjuri, kuruni u tiżjin ieħor bil-kulur tal-każin jimmarkaw it-territorju tas-soċi tal-każin; xi wħud saħansitra jqiesu ċerti toroq tagħhom fil-jiem tal-festa. Meta timmarka t-territorju tkun qed turi li int tagħmel ma’ dik in-naħa jew oħra u mhux mal-oħrajn! Anki s-slogans fuq it-T-shirts laqtuha: Ħadd ma jista’ għalina ! Aħna l-aqwa ! eċċ. L-istudju hu profond u min jaqra l-Franċiż għandu xalata ta’ ritratti tal-festa wkoll.

Bnadar kemm trid

Aħna nidhru nibbrillaw bil-bnadar. Mhux biss nhar il-festa….f’kull okkażżjoni. Meta jilagħbu l-football min ibiegħ il-bnadar imur tajjeb. Sintendi mhux aħna biss, iżda forsi hawn il-fenomenu tal-bandiera barranija favorita hu aktar qawwi minħabba li fl-imgħoddi konna kważi dejjem maqsumin fis-simpatiji tagħna. Dal-partitiżmu laħaq il-quċċata fi tmiem is-seklu tmintax meta l-kavallieri kienu qed imajnu iżda kien għad fadlilhom l-ammiraturi tagħhom. Kien hawn diversi affiljazzjonijiet –  il-maġġoranza tal-avversarji kienu mal-Franċiżi tar-Rivoluzzjoni u r-Repubblika li fil-fatt irnexxilhom iġibu hawn lil Napuljun Bonaparti fi triqtu lejn l-Eġittu u ppruvaw idaħħlu prinċipji repubblikani, li b’xorti ħażina fallew qasir il-għomor.

Biex il-privileġġjati u r-raħħala jeħilsu mill-Franċiżi ħafna mill-mexxejja tagħhom bdew ixejjru l-bandiera tax-xatba, il-Union Jack li kienet ilha rikonoxxuta ġa kważi seklu minn meta twaqqaf ir-Renju Unit. Iżda kien hemm oħrajn. Kien hawn partit Russu (Lorenzi u Dun Mikiel Xerri kienu simpatizzanti) li messitu xorti ħażina. Kien hawn simpatizzanti tal-Awstrija; iżda fuq kollox kien hawn simpatizzanti kbar ta’ Napli u Sqallija li għenu wkoll lir-raħħala li qamu kontra l-Franċiżi sakemm l-Ingliżi, bi pjan strateġiku, ħadulhom lil Malti minn idejhom (anki b’manjieri li jidhru legali), wara sekli twal ta’ dominju. Il-bandiera hi stqarrija qawwija.

Jekk intella’ bandiera partikulari nurik li jien inżomm ma’ dawn u mhux dawk. Anki fis-snin 30 tas-seklu li għadda, qabel il-gwerra kien hawn min jassoċja ruħu mal-lewn iswed għax kien tal-Faxxisti fl-Italja. Illum, 70 sena wara t-tieni gwerra dinjija, il-bandiera sewda saret is-simbolu dinji tad-Daexx jew kif ngħidulha wkoll l-Istat (jew dak li fadal minnu) Iżlamiku li okkupa partijiet mis-Sirja u l-Iraq u sa jiem ilu biss kien stabbilit sew f’Sirte, il-Libja – ċorma terroristi.

Ħamra u bajda

Għalhekk ma niskantawx li aħna kundizzjonati nperpru xi bandiera biex nimpikaw, biex nistqarru li aħna mhux ma’ oħrajn, iżda ma’ dawk preferuti. U dan isir kif qed naraw f’kull livell tal-ħajja – każini, logħob tal-ballun, partiti eċċ – l-aktar bnadar tagħna għax dejjem segwejna l-eżempju mill-firda li ġabulna l-barranin f’pajjiżna.

Bandiera waħda rnexxielha tibqa’ magħna lkoll, probabbli elf sena. Ħamra u bajda. Dun Karm u Manwel Dimech għannewlha l-poeżija u wissewna biex inħalluha libera minn ilwien oħra, kif dejjem kienet. Ħasra li wara l-indipendenza żammejna l-George Cross fuqha għax sultan Ingliż ried iserraħ moħħu mil-lealtà totali Maltija, kif probabbli ġara għall-maġġoranza tal-abitanti sal-lum.

Malta-Flag-Wallpaper

Avvenimenti sajfin

Malta miżgħuda b’avvenimenti sajfin. Sbieħ, allegri u divertenti. Festivals kulturali ta’ kull tip: arti, mużika, xorb u ikel. It-temp jippermetti,  in-nies tħobb toħroġ u aħna nafu norganizzaw. Fl-istess ħin is-sajf ma jħallikx tikkonċentra kemm trid fuq ix-xogħol. Pawsa mistennija. Magħna jiġu t-turisti jgawdu dak li noffru.

Innutajt li dal-ġranet ta’ Santa Marija, Qui Si Sana, tas-Sliema ġew grupp Taljani minn Basilicata u dawwru x-xatt ta’ Qui Si Sana – is-soltu trankwill – f’arena ta’ imbejjed, ikel u mużika Taljana. Urew li hi lokalità li tista’ toffri l-frisk (ir-riħ dejjem ikseħ mit-tramuntana, xi drabi ftit iżżejjed) u l-ispazju, speċjalment bil-ġonna qrib. Jalla dan l-eżempju jittieħed minn oħrajn simili li jferrħu l-Maltin u l-barranin – żgur aħjar minn dak is-sagramew ta’ torri li ħolmot bih kumpanija li xejn ma qed turi rispett lil min taha l-lealtà għal seklu sħiħ bil-prodotti tat-trasport li begħtitilhom.

Ħaġa waħda innutajt fil-festa tal-imbejjed Taljani. Imferrxa fuq erbat ijiem l-imbejjed ma qatgħu xejn; bejn jum u ieħor rajt għadd kbir ta’ flixken ġodda tal-imbid fl-ilma fil-banjijiet jistennew in-nies għal filgħaxija. Nittama li dawk l-imbejjed li kienu kesħin bil-lejl, wara li saħnu mat-temperatura tal-jum ma reġgħux ġew imkessħa filgħaxija! Jien ngħid li le imma għall-ġejjieni fejn jidħol l-ikel u x-xorb tajjeb l-awtoritajiet iserrħu moħħ il-konsumatur.

Ir-ritratt tal-ġimġħa juri l-bnadar ma’ każin fil-Belt fil-festa ta’ San Duminku, inkluż tal-Vatikan fuq il-lemin.

bnadar

F’ras il-blog il-festa tal-imbejjed Qui Si Sana: ideja sabiħa li emfasizzat il-paesaġġ attraenti tal-art u l-baħar Maltin flimkien, bla bżonn ta’ ebda torri fis-sema.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *