Munita u bolla li jfakkru l-100 sena mit-twelid ta’ Mintoff – One News

Notifiki

Munita u bolla li jfakkru l-100 sena mit-twelid ta’ Mintoff

Għada l-Bank Ċentrali ta’ Malta u l-MaltaPost ser iniedu prodott numiżmatiku konġunt li jfakkar il-mitt anniversarju mit-twelid tal-eks-Prim Ministru ta’ Malta, Dom Mintoff. Il-prodott huwa sett li jikkonsisti f’munita tal-fidda u replika ta’ bolla stampata fuq fuljetta tal-fidda.

Il-munita, maħduma fir-Royal Dutch Mint, turi l-emblema ta’ Malta u s-sena tal-ħruġ 2016 fuq in-naħa ta’ quddiem, filwaqt li fuq in-naħa ta’ wara hemm xbieha ta’ Dom Mintoff. Ir-replika ta’ bolla stampata fuq fuljetta tal-fidda ġiet prodotta wkoll għall-MaltaPost mir-Royal Dutch Mint, u turi l-bolla postali ta’ €3 bi xbieha ta’ Dom Mintoff.

Il-munita, li tista’ wkoll tinxtara waħedha, għandha valur nominali ta’ €10. Il-munita hi maħduma f’0.925 fidda, tiżen 28.28 grammi u għandha dijametru ta’ 38.61 mm. Il-munita hi maħduma f’verżjoni proof u l-istampar tagħha hu limitat għal 2,000 munita. Il-munita kienet iddisinjata u mnaqqxa mill-artist Malti Noel Galea Bason.

Dan il-prodott konġunt hu disponibbli f’kaxxa attraenti u huwa limitat għal 500 sett. Is-settijiet jistgħu jinxtraw mill-Malta Coins Distribution Centre (MCDC) fil-bini prinċipali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, fi Pjazza Kastilja ġewwa l-Belt Valletta, jew mill-e-shop tal-MCDC fuq is-sit elettroniku www.centralbankmalta.org/products, u mill-fergħat tal-MaltaPost jew online permezz tas-sit elettroniku www.maltaphilately.com.

Għal aktar tagħrif, il-pubbliku hu ġentilment mitlub jikkuntattja lill-MCDC billi jibgħat email fuq [email protected] jew iċempel fuq (+356) 2550 6006/7.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend