Il-Bank HSBC Malta għamel qligħ qabel it-taxxa ta’ €41.3 miljun għall-ewwel sitt xhur li ntemmu fit-30 ta’ Ġunju 2016. Il-bank ħabbar li l-prestazzjoni kienet ta’ €5 miljuni jew 13.8% ogħla mill-istess perjodu tas-sena l-oħra.
F’rapport dettaljat il-bank ta’ rendikont ta’ kif mar bejn Jannar u Ġunju u fost oħraj irriżulta li d-depożiti tal-klijenti fit-30 ta’Ġunju 2016 kienu jammontaw €5,002 miljuni, żieda ta’ €52 miljun meta mqabbla mal-31 ta’ Diċembru 2015.
Andrew Beane, Direttur u Kap Eżekuttiv ta’ HSBC Malta, ikkummenta dwar il-prestazzjoni tan-negozju u t-twettiq tal-istrateġija: “Il-prestazzjoni fl-ewwel nofs tas-sena 2016 kienet konformi mal-aspettattivi tagħna. Filwaqt li l-qligħ aġġustat kompla jkun affettwat minn rati negattivi ta’ imgħaxijiet u dħul volatili mill-Kumpannija tal-Assigurazzjoni, għamilna progress tajjeb fl-implimentazzjoni tal-istrateġija l-ġdida tagħna li l-Bord approva fi Frar.”
Qa li kisbiet importanti kienu jinkludu l-iffirmar tal-Ftehim Kollettiv mal-unions u l-ħatra ta’ tim ġdid ta’ tmexxija.
“Minkejja żieda fl-ispejjeż tal-pagi wara negozjati mal-unions u żieda addizzjonali fl-ispejjeż regolatorji, permezz ta’ dixxiplina soda fil-kontroll tal-ispejjeż li wettaqna, irnexxielna nżommu l-ispejjeż aġġustati baxxi fil-livell tal-2015. Dan ifisser prestazzjoni tajba,” qal Beane.
Hu żied jgħid: “Nittama li l-azzjonisti ser jilqgħu ż-żieda ta’ 40% fid-dividendi għax din turi li ta’ min jinvesti fl-ishma ta’ HSBC Malta. Konformi mal-istrateġija tagħna biex inkunu ‘il-Bank tal-Għażla’ għall-klijenti, nibqgħu fiduċjużi fl-abbiltajiet tagħna li nkomplu nżidu l-qligħ tagħna matul iż-żmien mingħajr ma nżidu r-riskji.”
Tenna li ż-żmien li ġej se jibqa’ wieħed mimli sfidi, b’mod partikolari bid-deċiżjoni tar-Renju Unit li jitlaq mill-Unjoni Ewropea: “Din ħolqot żieda fil-livell ta’ inċertezza. L-impatt immedjat kien żvalutazzjoni sinifikanti tal-isterlina għalkemm l-implikazzjonijiet fit-tul, pożittivi jew negattivi, għadhom mhux ċari. HSBC jibqa’ fiduċjuż fl-ekonomija ta’ Malta u hu impenjat li jappoġġja lill-klijenti tagħna.”