Holly e Benji: 30 sena wara x’niftakru? – One News

Notifiki

Holly e Benji: 30 sena wara x’niftakru?

Min jaf kemm hawn minnkom tiftakru taslu mill-iskola, tieklu dik ix-xi ħaġa malajr u taqbdu l-hw mal-ewwel bil-għan li sal-erbgħa tkunu lesti bil-għan li x’ħin jibda Holly e Benji tkunu quddiem it-televiżjoni lesti biex ma titilfux imqar azzjoni.

Azzjonijiet, li ngħiduha kif inhi, xi ftit ta’ immaġinazzjoni kellhom ukoll bħal mossi tal-‘fratelli Derek’ jew ‘il tiro del tigre ta’ Mark Lenders.’

U filwaqt li ħafna għandhom ma nsewx dawn l-episodji, ta’ meta logħba ddum għaddeja ġimgħa u l-grawnd jispiċċa qisu muntanja li trid titla’ bi tbatija, fl-aħħar jiem l-istazzjoni Taljan Italia Uno fakkar kif għaddew tletin sena minn meta xxandar l-ewwel episodju ta’ programm li bħala protagonisti kellu lil Oliver Hutton li fl-istorja kien l-attakkant, u Benji Price li fl-istorju nafuh bħala l-goaler. Is-sensiela sħiħa kellha 128 episodju.

Ma sibnijiex diffiċli wisq biex insibu żewġ ammiraturi ta’ din il-produzzjoni. Tkellimna mad-deputat Luciano Busuttil u l-plejer ta’ Birkirkara Joseph Zerafa.

Busuttil qalilna li ma kinx jitlef episodju wieħed u li qatt ma jista’ jinsa s-sigla tal-bidu.

Huwa stqarr li kien jieħu gost jarah ferm, dan għaliex meta kien żgħir huwa kien jilgħab bħala goal keeper. Jiftakar il-grawnd kif kien jidher fuq it-televiżjoni waqt xi azzjoni importanti u l-ballun tal-futbol li kienet tinbidilu l-forma. Għamel referenza għall-cartoons moderni, u qal li dawn m’għandhomx il-valuri li kellhom cartoons bħal Holy e Benji, li saħansitra għinuh jitgħallem it-Taljan. Fil-kummenti tiegħu qal li t-tfajliet kienu jsegwuh ukoll, speċjalment minħabba l-karattru ta’ Mark Lenders li kien b’saħħtu u attrajenti.

“Kieku kelli ċ-ċans nerġa’ nara l-episodji kollha.”

Il-plejer Joseph Zerafa stqarr li dan il-cartoons kien ta’ ispirazzjoni għalih, u ddeskriva li bis-saħħa tiegħu kienu bosta t-tfal li tħajjru jibdew jilgħabu, l-ewwel wieħed hu! Jiftakar kif wara li kien jiġi mill-iskola, qatt ma kien jibda l-homework qabel jara l-episodju tal-ġurnata u kif hu u sħabu kienu jimitaw lil Mark Landers u lil Holly. Zerafa kompla jgħid li l-esaġerazzjoni f’dan il-cartoons kienet tgħinhom biex joħolmu, speċjalment meta waqt azzjoni l-ballun jinbidel f’forma ovali.

“Benji jilqa’ xi ballun b’saħħtu u jitqattawlu l-ingwanti u Mark Landers jaqbeż lil kulħadd u jarmi lil kull min jiġi fin-nofs. Il-grawnd kien qisu tela; u Holly jilgħab imweġġa’.”

Bla dubju din id-deskrizzjoni dettaljata tikkonferma kemm dan il-cartoons ħalla impatt fuq bosta tfal. Kumment li spikka ta’ dan il-plejer kien li dawn il-cartoons kienu jħeġġu lit-tfal joħorġu barra u jilgħabu għad-differenza tas-sitwazzjoni preżenti fejn kulħadd idur bil-mobile u jfittex il-Pokemon.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend