L-istorja ta’ Malta riveduta – One News

Notifiki

L-istorja ta’ Malta riveduta

A Materialist Revision of Maltese History (870-1919) huwa ktieb ġdid dwar l-istorja ta’ Malta, riċerkat u miktub minn Mark Camilleri, li jiffoka fuq il-moħħ u l-kundizzjonijiet materjali tal-Maltin ‘ordinarji’ u toffri ħarsa ġdida fl-istorja Maltija. Dan il-ktieb huwa storja kif filfatt hi, mingħajr narrattivi kbar u anedotti sbieħ li jagħmlu l-istorja Maltija interessanti u glorjuża.

Fir-realtá ma kien hemm xejn glorjuż fl-istorja Maltija; anzi bil-kontra, l-istorja Maltija hija waħda ta’ dwejjaq, oskura, traġika u bierda. Il-Maltin għixu fil-miżerja, fil-faqar, fl-insularitá u fl-injoranza u s-sopravivenza tagħhom f’termini ta’ sigurtá u ġid materjali kienet tiddependi mill-mexxejja tagħhom. L-elit Malti kien imħasseb biss kif ħa jagħmel profitt faċli minflok biex jikkontribbwixxi għall-iżvillupp sħiħ tas-soċjetá u l-benesseri tal-kompatrijotti tagħhom, filwaqt li l-kleru ħalla l-poplu fl-injoranza u l-istupiditá sabiex iżomm l-kontroll assolut fuq il-moħħ Malti.

Screen Shot 2016-07-16 at 13.00.09

B’xi mod wasal punt fl-istorja Maltija fejn il-massa Maltija qamet biex tisfida s-superjuri tagħha, il-patruni, l-mexxejja u l-kleru. Kien hemm punt fl-istorja Maltija fejn il-massa saret konxja tal-libertá tagħha u pprovat tegħleb il-kundizzjonijiet oġġettivi tal-ħajja – dan l-avveniment storiku illum nafuh bħala r-Rewwixta tas-Sette Giugno tal-1919.

Il-ktieb ġdid ta’ Mark Camilleri  huwa qari kritiku tal-istorja Maltija influwenzat minn filosofija Hegeljana u materjaliżmu Marxista. Il-ktieb jifli varji sorsi primarji u sekondarji u jippreżenta perspettivi kritiċi ġodda. Xi sorsi primarji interessanti li ser jiġu żvelati għall-ewwel darba f’dan il-ktieb huma il-logbooks tal-pulizija tal-bidu tas-seklu 20.

SKS (Sensiela Kotba Soċjalisti) qed jistiednu lill-pubbliku biex jattendi għal taħdita pubblika ta’ Mark Camilleri waqt it-tnedija tal-ktieb tiegħu fil-“Fortress Builders – Fortifications Interpretation Centre”, il-Belt Valletta fl-10 ta’ Awissu, fis-19:30.  Ikun riċeviment wara l-laqgħa Wara t-tnedija l-ktieb ser ikun għand il-ħwienet tal-kotba f’Malta u Għawdex.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend