Fond ġdid għall-arti jinkoraġġixxi kollaborazzjoni internazzjonali fit-tul – One News

Notifiki

Fond ġdid għall-arti jinkoraġġixxi kollaborazzjoni internazzjonali fit-tul

Dawk l-artisti li huma interessati li joħolqu proġett artistiku ambizzjuż ma’ sieħeb internazzjonali fit-tliet snin li ġejjin issa se jkollhom ukoll l-opportunità li jiffurmaw parti mill-programm tal-Belt Valletta 2018 hekk kif għadu kif tnieda fond ġdid.

Il-fond – imsejjaħ il-Multi Annual Support Grant – huwa t-tielet fergħa tal-Malta Arts Fund immexxi mill-Kunsill Malti għall-Arti u se jkollu allokazzjoni ta’ €220,000.

Għal din l-ewwel edizzjoni tal-Multi Annual Support Grant, il-Kunsill Malti għall-Arti qiegħed jissieħeb mal-Fondazzjoni Valletta 2018 sabiex tgħin u tikkofinanzja l-iżvilupp tal-proġetti bħala parti mill-programm tal-Fondazzjoni.

Dan il-fond se jkun qiegħed joffri għajnuna lill-proġetti kreattivi kollaborattivi fit-tul li jinvolvu minimu ta’ sieħeb internazzjonali wieħed – se tingħata priorità lil imsieħba mir-reġjun tal-Mediterran. Din il-fergħa tindirizza b’mod speċifiku mira importanti tal-iStrateġija2020 – dik li tressaq lil Malta lejn il-komunità artistika internazzjonali – kif ukoll il-prioritajiet tal-programm ta’ Valletta 2018.

Il-proġetti magħżula għandhom jiġu iddiżinjati b’relazzjoni mal-programm ta’ Valletta 2018, li qiegħed jiġi żviluppat. Il-proġetti għandhom jirrelataw mas-socjetà kontemporanja fl-Ewropa u r-reġjun tal-Mediterran, fuq livell soċjali, ċiviku jew politiku u għandhom jirrelataw mat-temi relevanti għal dawn il-komunitajiet.

“Din l-edizzjoni speċjali tal-Malta Arts Fund tirrifletti l-mira strateġika tal-Kunsill Malti għall-Arti li ninvestu f’kollaborazzjonijiet internazzjonali bejn l-artisti permezz ta’ xogħol kreattiv u eċitati, bl-għan li tiżdied il-mobbiltà artistika u tiffaċilita l-ko-kreazzjoni ma’ imsieħba Mediterranji u Ewropej,” qal Toni Attard, direttur tal-istrateġija fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti.

Din il-fergħa l-ġdida tikkumplimenta ż-zewġ fergħat l-oħra tal-Malta Arts Fund li jinvestu f’riċerka kreattiva u l-iżvilupp tal-proġetti.

“Permezz ta’ din l-isħubija, Valletta 2018 qed tinkoraġġixxi lill-creatives biex iħarsu lil hinn minn Malta u jikkollaboraw mal-kollegi internazzjonali tagħhom filwaqt li jipparteċipaw fil-programm ta’ Valletta 2018,” qalet Margerita Pulé, Koordinatriċi tal-Programm ta’ Valletta 2018.

Il-fond huma miftuħ kemm għal individwi kif ukoll għal gruppi/organizzazzjonijiet. Se tingħata priorità lil dawk il-proġetti li jiffukaw fuq xogħol multi-dixxiplinarju; arti performattiva; arti diġitali jew xogħlijiet site-specific barra mill-Belt. Jekk il-proġett jirrelata b’mod attiv mal-udjenzi permezz ta’ element interattiv, dan se jitqies bħala vantaġġ.

Dawk interessati jistgħu jattendu laqgħa ta’ informazzjoni dwar il-Malta Arts Fund – Multi Annual Support Grant li se ssir nhar l-Erbgħa 13 ta’ Lulju fis-18.30 fil-Fortress Builders, il-Belt Valletta. Bħal programmi ta’ fondi pubbliċi oħra amministrati mill-Kunsill Malti għall-Arti, il-fond huwa kompettiv u se jiġi evalwat skont kriterji fissi. L-applikazzjonijiet se jibqgħu jintlaqgħu sas-16 ta’ Settembru 2016 f’nofsinhar.

Ritratt: Darrin Zammit Lupi

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend