Iċ-Ċittadella f’pożizzjoni aħjar biex issir wirt storiku dinji tal-UNESCO – One News

Notifiki

Iċ-Ċittadella f’pożizzjoni aħjar biex issir wirt storiku dinji tal-UNESCO

Issa li ċ-Ċittadella ngħatat id-dehra li jistħoqqilha, ta’ ġojjel storiku li hi , dak kollu li kien skopert fil-fażijiet differenti ta’ xogħol ta’ restawr se jkun inkluż fl-applikazzjoni biex iċ-Ċittadella tiġi rikonoxxuta bħala sit tal-Wirt Dinji Storiku tal-UNESCO.

Iċ-Ċittadella ilha mill-1988 aċċettata fuq il-lista tentattiva tal-Wirt Dinji tal-UNESCO u fl-aħħar snin saru sforzi biex din tgħaddi għall-istadju li jmiss. Iżda dan jirrikjedi finanzjament, riċerka, studju u riżorsi umani.

Dakinhar tal-inawgurazzjoni uffiċjali taċ-Ċittadella, one.com.mt tkellem ma’ Monsinjur Joe Vella Gauci, ambaxxatur Malti għall-UNESCO. Vella Gauci fisser kif issa li loġistikament r-restawr huwa lest u dak li seta’ jkun skoprut instab, jista’ jibda ż-żmien ta’ riċerka serja. Dan jeħtieġ rieda politika li tipprovdi l-fondi neċessarji u r-riżorsi umani lokali intiżi fl-istorja tal-post, tal-arkitettura militari, akkademiċi fl-istorja tal-arti u professjonisti barranin li għandhom esperjenza fin-nominazzjonijiet ta’ siti għal wirt dinji.

Sit bħaċ-Ċittadella jiġi ddikjarat wirt storiku dinji jekk il-World Heritage Centre jistabbilixxi li għandu l-Outstanding Universal Values. Monsinjur Vella Gauci irraġuna li jekk lura fl-1988, iċ-Ċittadella kellha bizzejjed attribwiti neċessarji biex tidħol fil-lista tentattiva, issa li sar restawr estensiv, li tulha kienu skoperti ħafna affarijiet ġodda u saret magħrufa l-importanza taċ-Ċittadella fi żminijiet differenti, l-Outstanding Universal Values żdiedu.

Meta sit ikun aċċettat fil-lista definittiva jew anka tentattiva tal-wirt storiku dinji, stat firmatarju tal-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji, bħal Malta, għandu l-obbligu li jinforma lill-World Heritage Centre b’kull żvilupp ta’ portata maġġuri.

Kull tibdil u żvilupp ma jistax itappan il-valuri li huma diġà rikonoxxuti. Għaldaqstant, meta saru l-pjanijiet ta’ restawr taċ-Ċittadella l-World Heritage Centre kien infurmat b’ kollox biex jekk ikun hemm xi oġġezzjonijiet, jew jaraw li t-tibdil seta’ jnaqqas mill-valur universali taċ-Ċittadella, tinġibed l-attenzjoni minn qabel.

Monsinjur Joe Vella Gauci stqarr magħna li bħal ma’ l-proġett eċitanti tar-restawr  tlesta b’suċċess, huwa kunfidenti li hekk ukoll il-proċess affaxxinanti tan-nominazzjoni jrendi l-frott mixtieq.

Ta’ QabelLi Jmiss
F’dan il-blog Aleander Balzan se jkun qiegħed jikteb ħsibijietu dwar temi differenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna; mill-politika għal temi soċjali u oħrajn kontroversjali. Min jaf lil Aleander jaf li huwa dritt għal punt u dak li għandek tistenna f'dan l-ispazju. Huwa gradwa fl-Istudji Ewropej, il-Komunikazzjoni u l-Politika mill-Università ta’ Malta

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend