L-istabbiltà ma tiġix mix-xejn – One News

Notifiki

L-istabbiltà ma tiġix mix-xejn

F’dawn l-aħħar jiem wieħed seta’ jħoss iktar kemm deċizjoni żbaljata tista’ ġġib instabbilità kbira f’pajjiż.  Qegħdin ngħixu żminijiet fejn fl-Ewropa ninnotaw pajjiżi li l-ekonomija tagħhom mhix daqshekk stabbli u saħansitra ninnotaw ukoll pajjiżi ġirien fejn hemm beżgħat kbar minħabba attakki terroristiċi li seħħ fuqhom.

Dan kollu m’huwa xejn sabiħ għaliex ninnotaw li dan it-taqlib kollu qed isir f’pajjiżi kważi ġirien magħna.  Rajna ftit jiem ilu dak li ddeċieda l-poplu Ingliż li minħabba deċizjoni li ttieħed fir-referendum beda jwassal ghal diżastri kbar fl-ekonomija fir-Renju Unit u sahansittra issa ser jiġi pajjiz li ser ikollu jfendi għal rasu.  Żball li wassal pajjiż biex minuti wara li ntemm ir-referendum, induna li kien ser iwassal għal diżastru, u li saħansitra xtaq li jreġġa’ lura l-mod kif ivvota l-poplu li iżda sab il-bibien magħluqin.

Dan kollu jġibna konxji ta’ kemm għandna nkunu kburin bit-tmexxija ta’ pajjiżna.  Tmexxija li lil pajjiżna tagħtiha stabbiltà fl-ekonomija u serħan tal-moħħ u tmexxija li tagħmlek komdu tgħix f’pajjiżek, mingħajr beżgħat u mingħajr theddid għall-paċi pubblika.

Xejn ma jiġi b’xejn u għalhekk wieħed irid jirikonoxxi x-xogħol siewi li dan il-Gvern qed jikseb kemm lokalment kif ukoll fit-taħdidiet tiegħu fl-Ewropa. Naraw lill-Prim Ministu li din il-ġimgħa kien Brussell jiddiskuti l-futur ta’ Malta u jiġġieled biex pajjiżna jkollu l-aqwa riżultati bejn il-pajjiżi Ewropej.

L-istabbiltà li tinħass f’pajjiżna tinbet mill-istabbiltà li l-Prim Ministru nissel fil-Poplu Maltu.  Prim Ministru li jkun lest għal kull eventwalità ta’ xi jsir fil-pajjiżi tal-madwar u bi pjan biex jiżgura li pajjiżna jibqa’ jġib u jikseb is-suċċessi li qed jikseb.

Dan kollu jwassalna biex napprezzaw aktar u aktar dak li nkunu għaddejin minnu.  Dan għaliex ħafna drabi nieħdu l-affarijiet bħala ovvji, li iżda rridu nżommu f’moħħna huwa li r-riżultati li qed iġib pajjiżna huwa frott ta’ ħafna xogħol u għaqal minn dan il-Gvern.

Wieħed irid ukoll isemmi l-ħidma kbira li ssir minn dan il-Gvern biex pajjiżna jkollu s-sigurtà massima li jixraqlu.  Sigurtà li tagħmel dak kollu possibbli biex kull persuna li tgħix fil-gzira tagħna tgħix serena u bla beżgħat.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend