Ċittadella isbaħ u aktar vibranti – One News

Notifiki

Ċittadella isbaħ u aktar vibranti

Eluf ta’ snin ta’ storja sa minn żmien il-bronż, għal żmien ir-Rumani, għal żmien il-Kavallieri. Din hija ċ-Ċittadella, rinovata permezz ta’ fondi Ewropej.

Ilbieraħ infetħet mill-ġdid iċ-Ċittadella, il-belt storika fil-gżira tat-tlett għoljiet.

Taħt xemx tisreġ u żiffa ħafifa, il-ġebel safrani tal-fortifikazzjonijiet deher ileqq u saħħar lil dawk kollha preżenti.

B’investiment ta’ €14-il miljun ewro fejn minnhom kellek mat-€12-il miljun u nofs ewro minn fondi Ewropej u l-kumplament finanzjati mill-Gvern Malti, iċ-Ċittadella reġgħet ġiet fl-istat li jixirqilha.

Għal ftuħ tar-rinovazzjoni taċ-Ċittadella kien hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat li hekk kif beda jżur din il-belt ċkejkna fid-daqs iżda kbira fl-istorja, seta’ japprezza x-xogħolijiet li saru.

F’diskors li għamel għal din l-okkażjoni huwa wera s-sodisfazzjon tiegħu għax-xogħolijiet li saru u saħaq li kien impressjonat bit-twettiq ta’ dan il-proġett.

Qal li lil hinn mill-battibekki politiċi ta’ min beda u lesta l-proġett, ir-rinovar fiċ-Ċittadella sar b’ħidma kollettiva favur it-tisħiħ ta’ dan il-wirt storiku.

Mal-Prim Ministru ngħaqad il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo li tkellem dwar ix-xogħol li l-Gvern għamel bir-reqqa partikolarment fil-ħruġ tat-tenders biex seta’ jsir il-proġett.

13490797_858073654292742_8368024539329919818_o

CVC

Il-Ministru Refalo qal li wara t-tlestija tar-restawr fuq iċ-Ċittadella issa jmiss li din il-belt issir waħda vibranti. Fi kliem il-Ministru:

“Huwa importanti għalhekk illi issa din il-belt intuwha l-ħajja. Fis-sens illi issa ma tkunx belt mejta illi sempliċiment ġew it-turisti jarawha. Imma hija belt illi jiġu hawn it-turisti anki bil-lejl ġor-restaurants u tkun vibranti. U naħseb dik hija ċ-challenge, illi nagħmluha belt li tkun vibranti. Aħna għandna ħsibijiet, għandna sfidi kbar għall-ġejjieni.”

Waqt ċerimonja apposta li saret spikka l-istakkament ta’ nies lebsin ta’ suldati li animaw lin-nies preżenti.

13533336_10208051802265381_5048311269406233155_n

Bla dubju l-istorja ta’ gżiritna hija ferm marbuta maċ-Ċittadella u propju dan il-proġett kellu sfidi kbar biex filwaqt li t-tisbiħ isir, is-siti storiċi midfuna taħt iċ-Ċittadella jiġu priservati.

Tkellilmna mal-perit Teddy Busuttil.

“Dan il-proġett bdejnih madwar sentejn u erba’ xhur ilu. Aħna bdejna l-proġett u waqt l-iskavar sibna ħafna affarijiet arkeoloġi. U b’hekk kellna nibdlu l-pjanti u l-isfidi li sibna kienu kbar. L-affarijiet li sibna tal-arkeoloġija għamlulna kuraġġ biex nagħmlu dan il-proġett differenti. Integrajnihom. L-affarijiet li sibna ippriservajnihom u ħa jibqgħu jitgawdew għall-ġenerazzjonijiet futuri.”

Bla dubju l-isfidi li semma l-Perit responsabbli mit-twettiq tar-restawr tal-belt Għawdxija inbiddlu f’opportunitajiet għaliex iċ-Ċittadella illum hija xempju ta’ fonti mimli storja, kultura u sbuħija arkitettonika.

13529148_1707332876199366_3371950977354323409_n

CVC

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend