Iċ-Ċittadella lura fil-glorja tagħha – One News

Notifiki

Iċ-Ċittadella lura fil-glorja tagħha

Iċ-Ċittadella llum tingħata l-glorja kollha mistħoqqa, hekk kif bħalissa qed issir l-inawgurazzjoni ta’ proġett kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea

Il-bżonn għall-dan il-proġett kien ilu jinħass snin twal u għalhekk imur lura għal taħt amministrazzjoni preċedenti. Huwa proprju għalhekk li din il-ġawhra tant għall-qalb l-Għawdxin tlestiet, bħala parti mill-ħidma tal-Gvern Laburista fi proġetti infrastrutturali u ta’ restawr f’Għawdex.

Id-daħla prinċipali taċ-Ċittadella ġiet mogħtija dehra aktar awtentika ta’ kif kienet fi żmien il-Kavallieri.

Għalkemm il-proġett ġie approvat fit-2012, ix-xogħol proprju nbeda fl-2013 meta bdew jiġu ppubblikati s-sejħiet għall-offerti għal dan il-proġett. Ix-xogħol infastrutturali nbeda fl-2014 u allura il-proġett, minkejja d-diffikultajiet, ġie implimentat f’perjodu ta’ anqas minn tliet snin.

Dan il-proġett huwa biss ħolqa waħda minn katina sħiħa ta’ investimenti u proġetti ta’ restawr u rijabilitazzjoni f’Għawdex li seħħew matul dawn l-aħħar tliet snin.

Matul it-twettiq tal-proġett ġew ippubblikati aktar minn għoxrin tender differenti b’uħud minnhom jiġu ppubblikati aktar minn darba. Fil-fatt, mill-2013 lil hawn, inħareġ 21 tender meta qabel l-2013 kien inħareġ wieħed biss li ma ġiex aċċettat għax teknikament ma kienx validu.

Ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu f’ konsolidazzjoni u restawr ta’ żewġ ġibjuni tal-ilma li ma kinux għadhom jintużaw, f’ċentru għall-viżitaturi mgħammar b’tekonolġija awdjo-viżiva biex tgħin lill-viżitaturi jifhmu aktar l-istorja ta’ dan il-post storiku. Apparti minn hekk sar xogħol ta’ rikostruzzjoni u pavimentar tat-toroq, pjazza u spazji miftuħa ġewwa ċ-Ċittadella.

Dawn ix-xogħijiet kienu jinkludu t-tqegħid tas-servizzi kollha taħt l-art inklużi, dawl, ilma, telefonija, drenaġġ u ilma tax-xita.

Bl-istess xogħlijiet ġew eliminati bosta turġien fit-toroq li kienu saru fis-snin 50 biex b’hekk titjieb l-aċċessibiltà fiċ-Ċittadella.

Dan segwa xogħol ieħor li jinkludi livellar u rikostruzzjoni u pavimentar tal-Pjazza tal-Katidral biex tkun tista’ tilqa’ fiha l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet kemm kulturali kif ukoll dawk reliġjużi.

Xogħlijiet oħrajn jinkludu r-restawr u konsolidazzjoni tal-faċċati tal-binjiet storiċi li jżejnu liċ-Ċittadella, rijabilitazzjoni tal-foss li minn post żdingat issa ġie mibdul fi spazju rikreattiv u kulturali. Dan flimkien ma’ installazzjoni ta’ sistema ġdida tad-dawl effiċjenti fl-enerġija kemm fuq ġewwa taċ-Ċittadella kif ukoll minn barra, flimkien ma’ installazzjoni ta’ bieb li jagħlaq il-fetħa tal-Pjazza tal-Katidral biex jiġi rijabilitat id-dħul oriġinali fiċ-Ċittadella.

Dan il-bieb jinfetah għal okkażjonijiet partikolari fosthom dawk relatati mall-funzjonijiet fil-Katidral. Saru wkoll xogħlijiet oħrajn li jinkludu sinjali ta’ informazzjoni u direzzjoni, ħolqien ta’ dar tal-perjodu fil-Mużew tal-Folklor, kif ukoll xogħol ta’ ristruttrar u tisbiħ fiċ-Ċentru tal-Arti taċ-Ċittadella.

Saru għadd ġmielu ta’ xogħlijiet favur l-aċċessibbiltà, b’mod speċjali għall-persuni b’diżabbiltà, minħabba l-fatt li ċ-Ċittadella kienet mibnija apposta fl-għoli, bi tlajja u turġien kull fejn tħares, biex tagħmilha aktar diffiċli lill-għadu biex jinfiltra.

Għal dan il-għan ġew installati żewġ liftijiet fuq barra nett biex min-nofs it-Telgħa tal-Belt sal-bieb taċ-Ċittadella, wieħed jista’ prattikament jevita kull tarġa.

Ġewwa fil-pjazza prinċipali, apparti t-telgħa li nbniet mat-taraġ tal-Katidral għal vetturi ta’ emerġenza u ġenituri b’pushchairs, hemm appliklazzjoni biex jitqiegħed lift pubbliku mill-pjazza sal-ewwel sular tal-Qorti. Dan jiftaħ fil-Qorti fil-ħinijiet tal-ftuħ, u jiftaħ ukoll bla limitu ta’ ħin fil-parapett tal-Qorti biex anki t-toroq ta’ fuq taċ-Ċittadella jkunu aċċessibbli. Twaħħlu ukoll żewġ stairlifts ħdejn il-mużew tal-Arkeoloġija u ħdejn l-Awla Kapitulari u vertical platform fuq id-demibastjun ta’ San Martin.

Permezz ta’ dan il-proġett se jiżdiedu l-attrazzjonijiet ġewwa ċ-Ċittadella fosthom bjar ta’ żmien il-Bronż 2500 – 750QK. Fdalijiet ta’ ħajt tal-epoka Rumana li x’aktarx kien parti mill-Belt klassika ta’ Għawdex, it-triq oriġinali ta’ żmien il-Kavallieri li kienet twassal għad-daħla prinċipali taċ-Ċittadella, ċirku tal-ġebel fil-Pjazza tal-Katidral li l-użu u ż-żmien tiegħu għadhom ma ġewx stabbiliti, żewġ ‘sally ports’ jew passaġġi taħt l-art li ilhom ibblukkati għal aktar minn 150 sena, u l-ewwel toroq mibnija fi żmien l-Ingliżi biex iwasslu għaċ-Ċittadella.

Ix-xogħlijiet kollha imsemmija saru taħt superviżjoni kontinwa ta’ arkeoloġisti li studjaw bir-reqqa l-fdalijiet kollha li nstabu waqt ix-xogħlijiet u li ġew dokumentati b’mod xjentifiku u professjonali.

Matul it-twettiq tax-xogħlijiet instabu diversi fdalijiet li biex jiġu ppriservati u integrati fil-proġett kien jinħtieġ tibdil sinifikanti fil-proġett kif ippjanat oriġinarjament. Fil-fatt, affarijiet oħra bħat-tim tekniku għall-konservazzjoni u restawr taċ-Ċittadella huma ppjanati għall-futur qrib.

Ix-xogħlijet imwettqa diġà qegħdin iħallu impatt pożittiv fuq l-eluf ta’ turisti li kuljum iżuru ċ-Ċittadella peress li issa jistgħu jgawdu minn esperjenza aktar awtentika u varjata taċ-Ċittadella. Fil-fatt, min jitla’ ċ-Ċittadella bħalissa diġà jista’ jieħu idea ċara ta’ kif se jkunu jidhru x-xogħlijiet ladarba dawn jiġu konklużi.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend