Il-pilloli li ilna nibilgħu – One News

Notifiki

Il-pilloli li ilna nibilgħu

Iktar minn mitt mara ddeċidew li jagħmlu rikors biex f’pajjiżna tkun disponibbli b’mod iktar liberu (għax min jemmen li mhix?) il-pillola kontraċettiva magħrufa l-iktar bħala l-morning after pill.

Dlonk infetħu bibien is-sema’ b’ħafna fuq kull naħa jridu jgħidu tagħhom kemm jista’ jkun malajr.

Hemm min għamel dan għax fuq is-suġġett kien ilu jaħseb u forsi saħansitra rriċerka. Filwaqt li oħrajn jitkellmu għax jaħsbu li jistgħu joffru opinjoni fuq kollox, anke jekk kultant mhix l-iktar waħda infurmata.

Xi ftit ta’ opinjoni għandi jien ukoll.

Iżda, din ftit li xejn tiswa f’ċirkostanzi fejn għandha iktar valur dik ta’ espert bħal Professur Anthony Serracino Inglott li ma’ one.com.mt iddikjara kif din mhix pillola aborttiva.

“Hawn min qed jagħmel abort għax m’għandux il-faċilità juża pillola ta’ kontraċezzjoni b’emerġenza,” iddikjara l-Professur.

Quddiem dikjarazzjoni bħal din ngħażel li nikteb biss dwar ftit fatti. Dwar dawk il-pilloli li ilna nibilgħu.

Għax filwaqt li kulħad iqajjem plejtu meta fil-pajjiż issir xi proposta simili, li m’għandha x’taqsam xejn ma’ abort, hemm għexieren ta’ tfajliet Maltin li jmorru jagħmlu abort barra minn Malta. Uħud f’sitwazzjonijiet ta’ saħħa tajba, oħrajn f’sitwazzjonijiet li lanqas għall-annimali mhuma tajbin.

Oħrajn jaġixxu billi jieħdu sitt pilloli li jordnawhom online u li jiswew biss ftit ta’ mijiet ta’ ewro. Filwaqt li oħrajn diġa’ jiksbu din il-pillola minn Malta.

Hemm imbagħad il-pillola ‘metaforika’ bħal dik li tmarrad imma mhux tfejjaq, bħal meta niġġudikaw fuq ħajjet ħaddieħor bla ma naħsbu u bla ma nifhmu ċ-ċirkostanżi.

Jew il-mediċina morra ta’ meta quddiem realtajiet diversi ndawru wiċċna n-naħa l-oħra biex naħarbuhom.

Daqstant ieħor kerha l-pillola tal-biża’ jew il-gideb. L-istess pillola li min ried ibellaħilna qalilna li bid-divorzju jitkissru ż-żwiġijiet jew li bl-Unjoni Ċivili kulħadd se jbiddel l-orjentazzjoni tiegħu mil-lejl għan-nhar.

Hekk hu. Filwaqt li niddiskuti l-morning after pill hawn dawn il-pilloli li nibilgħu kuljum. Jew aħjar ibellugħlna kuljum.

Peró l-ikbar pillola li ilna nibilgħu hija dik tal-ipokrezija. Agħar minnha diffiċli jkun hemm.

Ta’ QabelLi Jmiss
F’dan il-blog Aleander Balzan se jkun qiegħed jikteb ħsibijietu dwar temi differenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna; mill-politika għal temi soċjali u oħrajn kontroversjali. Min jaf lil Aleander jaf li huwa dritt għal punt u dak li għandek tistenna f'dan l-ispazju. Huwa gradwa fl-Istudji Ewropej, il-Komunikazzjoni u l-Politika mill-Università ta’ Malta

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend