Il-qtil tal-Parlamentari Ingliża u s-sigurtà f’Malta – One News

Notifiki

Il-qtil tal-Parlamentari Ingliża u s-sigurtà f’Malta

L-assassinju tal-membru Parlamentari Laburista Ingliża Jo Cox  ixxukkja mhux biss lill-Ingliżi iżda lil ħafna pajjiżi oħra fid-dinja li forsi ma kienux jagħtu każ biżżejjed kemm persuni pubbliċi – quddiem nett jiġu l-politiċi – jistgħu jkunu esposti għal kull tip ta’ mira,  inkluża dik ta’ mħuħ li faċilment jistgħu jiġu influwenzati bla ebda bilanċ favur jew kontra xi ħadd.

Il-politiċi u nies fl-awtorità xi drabi jgħixu wisq f’dinja li għalkemm kuljum tipprova tiltaqa’ mal-pubbliku, fl-istess ħin ma jħabblux wisq rashom li barra t-teħid tal-idejn u l-kumplimenti, faċli jiltaqgħu ma’ xkiel li ma jkunux qed jistennew.

Jinsabu f’dilemma – ma tistax iddawwar lilek innifsek b’xi skorta meta trid tiltaqa’ mal-kostitwenti, il-fidili lejk.

Il-maġġoranza jagħżlu li jibqgħu qrib il-poplu u s-segwaċi tagħhom. Anki l-Papa Franġisku sakemm dratu s-sigurtà tal-Vatikan għaddiet minn perjodu ta’ ansjetà kbira. Ukoll illum, tarah jersaq qrib kulħadd, jgħid li jiġih f’moħħu, b’sens iżda bla kantunieri, mingħajr ma donnu hu konxju tas-sogru li jkun qed jieħu għal ħajtu. Il-papa ta’ qablu tibqagħlu xofa.

Sigurtà f’Malta

Bħala kommunità pjuttost ġwejda, is-sens ta’ sigurtà għall-awtorità u nies pubbliċi f’Malta hi mill-aktar baxxa. Hemm raġunijiet storiċi u antropoloġiċi għal dan. Sekli ta’ dominju minn potenzi militari: l-Ordni tal-Kavallieri kienu reliġjużi iżda wkoll suldati; l-Ingliżi ħafna aktar – tawna sens ta’ distanza mill-barrani, għax barra li ma kienux jitħalltu kif ġieb u laħaq kienu jesponu sens ta’ superjorità fuq il-poplu.

Kont tirrispettahom qabel kollox għax ma tafhomx, ma għandekx kunfidenza magħhom u xi ftit tibża’ minnhom ukoll l-aktar jekk kont tara b’għajnejk kuljum kemm kienu armati għal kull sitwazzjoni. Is-saħħa tagħhom mhux biss kienet tidher fil-persuni spiss lebsin uniformi militari iżda wkoll b’simboli ta’ difiża.

Kastilja, għalkemm illum mhux iżjed is-sede tat-tmexxija Spanjola tal-militar (għalhekk poġġew il-kanuni) u l-anqas tal-Ingliżi, għadha tperreċ daż-żewġ kanuni immirati lejn kull min jgħaddi minn hemm, allavolja l-Prim Ministru, jien ċert ma jixtieq jispara fuq ħadd!

Dan jidher qed jittieħed bħala simbolu storiku għax l-għassa vera mal-uffiċċju tal-prim ministru huwa pulizija fil-gabbana ċkejkna biswit il-berġa.

Palazz tal-President

Jekk inħarsu lejn il-palazz tal-president hawn ukoll insibu s-suldati għalkemm, kif jingħad bl-Ingliż (hekk jew b’hekk dawn qatt ma jużaw il-lingwa Maltija) aktar bħala token security minħabba li abbużi koroh fuq is-sigurtà jsiru taħt imneħirhom u ma jidhrux jagħtu każ. Eżempju hu r-ritratt tal-ġimgħa li ħadt ftit ġimgħat ilu biss fi Pjazza San Ġorġ meta ntrama palk għall-orkestra filarmonika.

Mhux talli l-palk kien imkaħħal mal-faċċata tal-palazz, u allura bla ebda rispett lejn il-kap tal-pajjiż li tokkupah, talli min ried seta’ tela’ baxx baxx imqar bil-lejl ipoġġi bomba fil-gallerija u jippjana meta jisplodiha.

Agħar minn hekk, meta ġbidt l-attenzjoni għal dan-nuqqas, min kien qed jorganizza qalli li saħansitra l-bieb ewlieni kellu jintuża biex minnu joħroġ u jidħol kull min jieħu sehem. Ir-raġuni li ngħatatli għala ma sarx bħal drabi oħra u l-palk jitpoġġa dahru lejn Triq l-Arċisqof, kienet li riedu jużaw il-palazz bħala back-drop, sfond għal min iħares jew jiffilmjahom.

Biex isir dan, spjegawli, il-pjazza żgħira u allura jkollok tkaħħlu mal-faċċata. Inkreddibli imma vera! Mur ġieb lill-Ingliżi Buckingham jew lill-Franċiżi l-Elysée Pariġi jkaħħlulhom palk b’għexiren ta’ nies fuqu taħt il-gallerija prinċipali tal-palazz statali. Jaqbdek ħass ħażin taħseb biss.

Parlament b’distanza sigura

L-Ingliżi u l-Amerikani qed jaħsbu kif jippjanaw iżjed fuq sigurtà ta’ politiċi fil-kostitwenzi tagħhom. Qed jirraġunaw li għalkemm għandhom sigurtà kważi esaġerata mal-parlament u l-kapijiet tal-istat tagħhom, fil-bliet u rħula ħadd ma jagħti każ xejn. Meta kont żort il-parlament ġdid Skoċċiż li kien inbena Edinburgu s-sigurtà kienet għolja ħafna.

Qabel xejn dawn ma poġġewhx fejn ma tistax toħloq distanza sigura – kif għamilna aħna bil-proġett ta’ Piano. Trid titlaq iċ-ċentru, tinżel ‘l isfel qiesek nieżel Sant Jiermu u 50 metru qabel hemm l-għassa. Mhux biss assigurazzjoni ta’ ħarsien imma wkoll iġġiblek ċerta sudizzjoni. Semmejna l-palazz: aħna mhux talli mal-faċċata tagħmel li trid talli fuq wara – li hu aċċess ieħor – tarma l-monti. Mhux l-ewwel darba li tara xi karozza mkaħħla mal-bieb ta’ wara bla rispett ta’ xejn l-aktar xħin jgħabbu u jħottu. Biex ma nsemmux li allaħaresqatt tista’ ġġorr bomba.

Aħna tant aħna ospitabbli li diffiċli nkunu vjolenti – nerġa’ ngħid li ġejna immansati matul is-sekli u kważi qagħdna għal kollox. Fi żmien kolonjali min iċċaqlaq safa mejjet (fis-Sette Giugno) u l-bqija tal-poplu iddeċida li jaqbel tgħid iva għal kollox ħalli mbagħad tagħmel fattik. Ma jifdallekx triq oħra għax li ma tikkmandax f’darek hi frustranti għall-aħħar. Bit-taħlit ta’ diversi kulturi li deħlin fostna jista’ jagħti l-każ li mhux kollha huma ġwejda daqsna.

Bla ma nkun razzista, imġieba ta’ ġlied u vjolenza minn barranin tħassbek. Realiżmu dan.

Qawmien ta’ nazzjonaliżmu

Dil-ġimgħa r-Renju Unit se jivvota dwar ħruġ possibli mill-Unjoni Ewropea. Sewwa sew għeluq id-950 sena minn meta l-Ingliżi daħlu fl-Ewropa permezz tal-Battalja ta’ Hastings meta n-Normann Guliermu r-Rebbieħ fl-1066 ħataf il-gżejjer nordiċi li bdew isejjħulhom Grande Bretagne għall-Brittanja fit-tramuntana ta’ Franza. Fit-termini tal-lum in-Normanni ħarġu oriġinarjament minn Franza. Minn hawn bdiet il-linja irjali Ingliża kurrenti. Din kienet konferma tal-Ewropeanità Brittanika, wara li r-Rumani, elf sena qabel, kienu wkoll ħakmu l-Art tal-Anġli. L-aħħar konferma Ewropea tal-Ingliżi kienet formali, fl-1973 meta daħlet fl-Unjoni, ukoll jekk kontra l-parir ta’ De Gualle.

Illum bosta huma tal-fehma li l-prim ministru Ingliż Cameron żbalja meta wiegħed dar-referendum. Ma kienx mument. Iżda kulħadd jaf li ma kienx fadallu triq oħra biex jikkumbatti l-firda fil-partit tiegħu stess. Imma hemm xi vantaġġi f’dar-referendum, ikun x’ikun ir-riżultat. Is-sens nazzjonali fil-Gran Brittanja kiber ukoll jekk xi drabi b’mod negattiv, bħal meta dak li spara fuq Cox għajjat ‘Il-Gran Brittanja l-Ewwel’. Imma tneħħi dit-traġedja s-sens ta’ kburija għal pajjiż ħa spinta, bħal meta ftit ilu l-Iskozja kellha r-referendum tagħha.

Aħna nbatu f’dal-qasam. In-nazzjonaliżmu f’Malta kien preżenti ħafna mitt sena ilu meta kien qed jiddefendi l-kultura tiegħu, ukoll jekk oriġinat f’influwenza Taljanizzata. Mill-bqija llum ma nħossux biżżejjed għal pajjiżna, għall-kultura tagħna, għall-eroj li bilkemm nafu. Waqt li dan l-aħħar wieħed jagħti raġun mija fil-mija lill-inkonvenjenza tan-nies li jgħixu l-Baħrija, ftit li xejn spikka l-għarfien tas-sejba meraviljuża ta’ nies li għexu u ndifnu qabilna, sekli twal ilu.

Kif għidt ftit ilu: nipprotestaw fuq bosta ħwejjeġ – siġar, monti, torrijiet u sfreġu ta’ ambjent (kollha tajba) iżda rari, jekk qatt nipprotestaw fuq in-nuqqas ta’ rispett kbir li għandu jkollna lejn l-ideja ta’ nazzjon, lejn ir-ruħ kulturali tagħna u lejn l-ispazji pubbliċi okkupati mill-ġrajja ta’ ħaddieħor.

Jissejjaħ defiċit nazzjonali dan iżda sakemm ma jeffettwax il-kontijiet u l-banek ma jidherx li joħloq problema u qatt ma jkun suġġett ta’ skandlu li fuqu nimlew il-ġurnali u d-diskussjoni fix-xandir.

Ritratti: 

Fir-ritratt ta’ fuq naraw dehra tal-Bieb tal-Bombi.  L-ewwel daħla tal-belt Valletta ma għandhiex tkun imħassra b’ebda billboard. Tax-xellug issa tneħħa kif ukoll dak eżatt kif taqbeż il-Bombi ; fadal wieħed. Bħal ta’ taħt is-sur li tkellmet Valletta 2018, qatt ma għandu jkun hemm kartelluni kbar f’daħlet il-belt kapitali daqstant panoramika.

Fir-ritratt ta’ hawn taħt naraw l-armar fi Pjazza San Ġorġ, imkaħħal mal-faċċata tal-Palazz tal-President, żewġ passi bogħod minn fejn ikun is-suldat. Għala tħalla ?

armar

Ta’ QabelLi Jmiss

2 Comments

  1. Proset bhal dejjem. Dwar il qtil ta Jo Cox, MP laburista, nghid biss li t-tixrid tal-mibgheda mill-lemin (estrem u mhux) huwa l-katalist ghal dan kollu. Anki f’Malta qeghdin nissugraw. L-aqwa li norganizaw il ‘festival’ ghal qaddisin(sic!). Mill-bqija, meditate, gente, meditate!

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend