Sodisfatta li l-PE qed jindirizza l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni – One News

Notifiki

Sodisfatta li l-PE qed jindirizza l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni

Wara l-istqarrija tal-Kummissjoni Ewropea dwar pjan ġdid tal-UE biex jigu ndirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni mill-Afrika, l-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi qalet: “Għall-aħħar 3 snin, daqskemm ilni membru fil-Parlament Ewropew, ripetutament enfasizzajt il-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni u l-ħtiega li nikkonċentraw l-isforzi tagħna biex nagħtu lil dawn in-nies futur fil-pajjiż tagħhom stess. Din kienet wkoll waħda mir-rakkomandazzjonijiet tiegħi li jien għamilt  fir-rapport dwar il-migrazzjoni bħala l-kelliem ghal grupp S&D fuq is-suġġett”.Il-proposti l-ġodda għal ftehim ta’ sħubija għal migrazzjoni ma’ pajjiżi terzi proposti mill-Kummissjoni din il-ġimgħa jikkonċentraw dwar stimuli għall-investiment fil-pajjiżi minn fejn ġejjin l-immigranti, biex b’hekk tingħata spinta għat-tkabbir tal-ekonomiji tagħhom u jinħolqu impjiegi fil-pajjiżi tagħhom.

 “Bħala Membru Parlamentari Ewropew, l-enfasi tiegħi dejjem kienet li nindirizzaw b’mod effettiv il-kawżi prinċipali minflok ma nippruvaw mmewwtu is-sintomi. Għandna bżonn nifhmu dwar xiex verament hija din il-krizi  u r-raġunijiet il-għala dawn in-nies qed iħallu warajhom lil djarhom u l-familji taghhom stess u jirriskjaw ħajjithom jaqsmu lejn l-Ewropa.”

“Huwa biss billi nindirizzaw l-problemi ekonomiċi, soċjali u oħrajn f’dawn il-pajjiżi, li attwalment nistgħu nsalvaw il-ħajjiet tan-nies minn ħalq il-mewt fil-Mediterran u perikli oħra li jiltaqgħu magħhom matul il-vjaġġi tagħhom. Għandna bżonn nagħtuhom futur biex dawn ma jkollhomx raġunijiet għala għandhom jitilqu. Dan ser jgħin ukoll biex jiġu evitati problemi fit-tul, li migrazzjoni mhux ikkontrollata tista’ toħloq fl-Ewropa,” qalet l-Ewroparlamentari Mizzi fil-Parlament Ewropew.

 “Għalhekk, huwa b’sodisfazzjon kbira li llum smajt lill-Ewwel Viċi President Frans Timmermans u r-Rappreżentanta Għolja / Viċi President Federica Mogherini finalment jiffokaw fuq l-għoti ta’ futur lil dawn in-nies fil-pajjiżi tagħhom stess flimkien mal-preżentazzjoni ta’ proposti konkreti ġodda u finanzjarjament sostenibbli maħsuba biex jgħinnu lill-pajjiżi Afrikani permezz ta ‘ investiment u għajnuna finanzjarja konsiderevoli.

 “Madankollu hemm bzonn li jigu żgurati r-responsabbiltà, it-trasparenza u l-ġestjoni xierqa ta’ tali fondi u investimenti sabiex il-biljuni proposti verament jibbenefikaw minnhom iċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi u ma jispiċċawx fil-bwiet tal-ftit. L-ghoti tal-flus mingħajr l-viġilanza dovuta u l-impenn mill-gvernijiet Afrikani, mhux se ssolvi l-problema, bil-konsegwenzi li xorta wahda jkollna flussi migratorji mingħajr kontroll mill-Afrika,” qalet l-Ewroparlamentari Mizzi.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend