Lesti jbattlu l-but għal 90 minuta – One News

Notifiki

Lesti jbattlu l-but għal 90 minuta

 

Il-pjazza ta’ Duomo f’Milan hija  mimlija turisti dilettanti tal-futbol, partikolarment Spanjoli, li llejla jridu jkunu viċin it-tim tagħhom meta jilgħab l-iktar kompetizzjoni importanti fil-futbol Ewropew.

Fi grawnd li jesa’ tmenin elf ruħ il-partitarji ta’ Real Madrid u Atletico Madrid ingħataw ftit iktar minn 30,000 biljett bejniethom u għalhekk mhumiex wieħed u tnejn li l-vjaġġ lejn Milan għamluh mingħajr ebda assigurazzjoni li se jkunu qegħdin jappoġġjaw lill-idoli tagħhom minn San Siro.

Dan iwassal biex bħalissa f’Milan wieħed jista’ jinnota ‘negozjati’ għaddejin f’diversi kantunieri. Persuni jidhru b’kartelluni u noti jgħidu li lesti jixtru biljett, u oħrajn, li forsi xtraw il-biljett kmieni għax ħasbu li se jkun hemm it-tim tagħhom, lesti jinnegozjawh. Biljett jaf iġib ħames darbiet iktar mill-prezz oriġinali, jekk mhux iktar.

F’Milan one.com.mt għamel esperiment żgħir. Morna fuq wieħed mill-persuni li b’kartellun f’idu kien qed jgħid li għandu bżonn biljett. Għidnilu li għandna biljett tal-ewwel kategorija (prezz oriġinali ta’ €420) u li ridna nsibu bejgħ tiegħu. Qalilna li kien lesti joffri elf ewro. Għidnilu ma konniex se nikkuntentaw b’inqas minn €4,000. Daqshekk ma kienx lest joffri. Iżda, sa €2,800 kien lest li jasal.

Dan huwa bejn wieħed u ieħor l-istess prezz li qed ikun mitlub fuq l-internet minn siti li normalment jintużaw minn dilettanti li ma jkollhomx biljetti bħal sports events365 jew viagogo. Dawn qed jitolbu bejn €2,355 u €3,000.

Dawn it-tip ta’ nies, li għal biljett lesti jagħmlu kollox, tiltaqa’ magħhom kull kantuniera taċ-Champions League Village li ntrama fil-qalba ta’ Milan. Juventin li tkellimna miegħu qalilna kif biljett ta’ valur ta’ ftit iktar minn €300 biegħu għal €1,500. “La darba m’hemmx it-tim tiegħi nippreferi nneħih u ninvesti dawk il-flus f’logħba għat-tim għas-sena d-dieħla,” qalilna t-Taljan li rebaħ il-biljett mill-kompetizzjoni online li tagħmel il-UEFA fl-ewwel ġimgħat tas-sena.

U bil-logħba jonqosha ftit sigħat biss in-negozjati mistennija jissoktaw u l-prezzijiet jibdew jiżdiedu hekk kif mhux wieħed u tnejn japprofittaw mid-deni li jibda tiela’ fis-sigħat li ġejjin. Bil-partitarji tat-timijiet ewlenin tal-belt ta’ Madrid se jagħmlu minn kollox biex ikunu d-differenza li tara lit-tim favorit tagħhom jerfa’ t-tazza ta’ widnejha kbar.

Ta’ QabelLi Jmiss
F’dan il-blog Aleander Balzan se jkun qiegħed jikteb ħsibijietu dwar temi differenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna; mill-politika għal temi soċjali u oħrajn kontroversjali. Min jaf lil Aleander jaf li huwa dritt għal punt u dak li għandek tistenna f'dan l-ispazju. Huwa gradwa fl-Istudji Ewropej, il-Komunikazzjoni u l-Politika mill-Università ta’ Malta

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend