Xejn Malti fil-Eurovision – One News

Notifiki

Xejn Malti fil-Eurovision

Xejn Malti fil-Eurovision

Kontroversja! Bħallikieku jonqosna xi oħra hawn Malta. Mela l-innu tal-UEFA tal-logħob tal-Euro li se jsir fi Franza f’Ġunju se jitkanta mill-band Amerikana Kiss u l-lirika, flok it-tema tal-imħabba romantika dawwruha lejn it-tim favorit tiegħek bit-titlu “I was made for lovin’ you, my team.”

André Vallini, segretarju tal-istat għall-Frankofonija (li tieħu ħsieb il-lingwa) ħadha bi kbira għaliex dan l-innu se jitkanta bl-Ingliż biss, meta l-Franċiżi huma tant imkabbrin b’ilsienhom imxerred ma’ kullimkien u li wara kollox daħal f’diversi kulturi saħansitra fil-qrati rjali ta’ kull monarkija, inkluża dik Brittanika. Jien ma nafx kif se tispiċċa dil-kontroversja iżda Malta qatt ma naħsbu li ndaħħlu mqar kelma waħda bil-Malti f’xi għanja li nkantaw fuq il-palk Ewropew?

Ejja ngħiduha : allaħares m’hawnx il-Eurovision biex ninsew ftit il-piki provinċjali, li issa mill-kultura tal-każini u l-festi tar-raħal tidher li daħlet fil-politika.

Imma xi drabi nħoss li wkoll hawn neżageraw u niddrammatizzaw. Bħall-isport, konkorsi bħal dawn – tnebbih ta’ għaqda Ewropea aktar milli biex jiġu sfrundati s-suċċessi mużikali tad-dinja – l-ispirtu hu li tieħu sehem. Ħafna jemmnu li l-Eurovision huwa mezz idejali biex tirriklama pajjiżek, il-kultura, l-identità tiegħek. Ma tonfoqx sold u tnejn biex tperreċ it-talenti tiegħek fuq dal-palk tal-istilel….għalhekk wieħed aktar għandu jfittex li jikseb exposure massima milli jirbaħ bilfors. Snin ilu kien deċiz li l-kanzunetti tagħna jkunu dejjem bl-Ingliż biss biex jivvutawlna l-massimu. Mhux dejjem ħadmet. Jien nemmen li l-użu tal-Ingliż tajjeb biex niftehmu u l-għanja tixtered iżjed imma possibli l-ebda kompozitur qatt ma jigi f’mohhu juża xi kelma nattiva biex jillokalizza l-messaġġ? M’hemmx għalfejn tkun xi kelma minn qiegħ il-Lexicon ta’ Vassalli imma biżżejjed insibu titlu li jidħol fir-refrain li allura jkun jinkludi xi kelma bħal Valletta – jien naf, darba kellna ‘Ċetta from Valletta’…..xi lirika adattata speċjalment għas-sena 2018 insibu żgur ! U l-pubbliċità tiswa wkoll għas-Sena Ewropea tal-Kultura.

“In-nies hemm barra….”

Kemm naraha artifiċjali dil-espressjoni li bosta kelliema, l-aktar poltiċi, jużaw il-ħin kollu. Min huma dawn in-nies, hemm barra? Meta jirriferu għalihom dawn in-nies kważi kollha ssibhom ġewwa djarhom biex ikunu qed isegwu x-xandira! Espressjoni li ħadet post oħrajn bħal, fejn naf jien, “il-poplu” jew sempliċiment “in-nies”. Għax, ngħid jien, jekk huma hemm barra dan-nies kemm se jdumu hemm?….u anki fix-xitwa meta forsi tkun il-kesħa, jibqgħu dejjem hemm barra? Hawn Malta għandna dak li jissejjaħ code switching (nibdlu spiss minn ilsien għal ieħor) u għalhekk transliteraliżmi għandna bir-radam.

Feedback fuq l-imgħoddi

Niżżik ħajr lil dawk li ħallew tweġibiet fuq il-mistoqsijiet tiegħi fl-aħħar blog. Fost is-simboli li jagħrfuna bihom internazzjonalment ħadd ma semma s-salib tal-kavallieri. Fost il-patrijotti żgur qabel kulhadd, jiġi Vassalli li fil-fehma tiegħi missna nagħrfuh hafna iżjed. Hawn min jaħseb li l-monumenti m’għadhomx moda….jien ngħid din kwistjoni taċ-ċittadinanza u l-ebda pajjiż ma jgħaddi mingħajr monumenti. Ħmerija li l-Belt Valletta mimlija b’monumenti ta’ ġens ieħor u meta jsir xi wieħed ġdid m’hemm l-ebda aġenzija jew awtorità apposta li tagħti pariri ħolistici fuq arti, estetika, memorja, tifsira, ippustjar u messagg liċ-ċittadin. Kif u fejn tpoġġi monumenti hu mportanti wisq biex tħalliha f’idejn xi ħadd li għax għandu l-flus jagħmel statwa u jpoġġiha kważi fejn ifettillu….jekk ukoll ma jagħmilx statwa lesta b’kollox – hi kif inhi – u nsibuha fil-post ħabta u sabta bħal dik li se tittella’ dalwaqt il-Belt għall-arkitetti Lapparelli u Glormu Cassar. Ikollna ċans żgur nerġgħu nitkellmu fuq dan is-suġġett.

Ir-ritratt tal-ġimgħa:

Kanuni fuq Kastilja

Meta l-Ħadd li għadda l-Partit Laburista ċċelebra l-ewwel ta’ Mejju fuq Kastilja spikka l-bini tal-Berġa barokka mdawwra minn folla kbira. Dawk id-dehriet permezz tad-droni ħaeġu sbieħ ferm. Spikkaw iż-żewġ kanuni li hemm fuq iz-zuntier jippuntaw il-mira lejn kull min jersaq biex jidħol jiltaqa’ mal-Prim Ministru tal-pajjiż. Ma nafx jien, imma ftit, jekk hawn uffiċċji tal-Prim Ministru fl-Ewropa li jilqgħuk b’żewġ kanuni daqshiex qabel tidħol – ħarsu lejn 10 Downing Street, l-Eliżew jew l-uffiċċju ta’ Renzi. Ngħid jien, niftaħru tant li aħna gżira tal-paċi u mbagħad mexxej daqstant prominenti fil-pajjiż għandu għalfejn jiġi mħares bil-kanuni? Mhux aktar posthom Sant Jiermu dawn is-simboli tal-gwerra? Militari konna, mhux illum.

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Jidhirli li kien lejn il-bidu tas-Seklu XX li l-Inglizi donnhom iddispraw bil-mijiet ta´ kanuni ta´ zmien il-Kavallieri li mid-dehra kienu jinsabu mormija ´l hawn u ´l hemm, u ddecidew li “jzejnu” bihom quddiem certi binjiet. Hafna kanuni ntuzaw bhala bollards fil-Port il-Kbir, u ghadhom hemm sal-lum.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend