Oppożizzjoni distruttiva u għatxana għall-poter – One News

Notifiki

Oppożizzjoni distruttiva u għatxana għall-poter

Ma’ kull min titkellem, joħroġ sentiment ta’ rabja lejn l-Oppożizzjoni li ppruvat tfixkel d-direzzjoni tajba li qabad pajjiżna u saħansitra Oppożizzjoni li ppruvat tnaffar il-ġid li pajjiżna qed jikseb.

Il-poplu Malti u Għawdxi huwa poplu li jrid, li jkun hawn f’pajjiżna, Oppożizzjoni serja u kredibbli, iżda li ma jridx huwa li jkun hawn Oppożizzjoni li mhux biss tikkritika l-Gvern iżda li saħansittra tipprova tħammeġ isem pajjiżna mal-barranin.  Xi ħaġa bħal din mhix aċċettabbli f’socjeta’ tal-lum u mhux ta’ b’xejn hawn minn ħassu mweġġa’ b’dak li għamel Simon Busuttil u sħabu. Qegħdin nesperjenzaw Oppożizzjoni li l-għan tagħha huwa li tipprova tkun kredibbli man-nies billi tipprova toħloq inċertezza fil-pajjiż.

Dan iqajjem rabja kbira fost il-poplu Malti u dan għaliex fi żminijiet fejn, fl-aħħar pajjiżna għandu Gvern li qajjem lil dan il-pajjiż fuq saqajh, qegħdin inkaxkru saqajna ma’ oppożizzjoni li qiegħda biss tipprova tfixkel lill-Gvern u tipprova turi bl-għajjat u bil-protesti li tista’ tkun Oppożizzjoni li tmexxi lil dan il-pajjiż.

Madankollu, bl-għajjat u bil-protesti u bil-voti ta’ sfiduċja, ma tmexxix pajjiż.  L-Oppożizzjoni m’għandha l-ebda pjanijiet serji li bih wieħed jista’ jara xi forma ta’ viżjoni.  Meta l-Oppożizzjoni kienet fil-Gvern wieħed esperjenza, speċjalment fl-aħħar għaxar snin, korruzzjoni li ma kienx hawn bħalha, l-ogħla rati ta’ taxi, arrognanza totali u u agħar minn dan kollu tnaqqis fl-impjiegi u ministri li taw żieda ta’ 500 ewro fil-ġimgħa lilhom infushom, minkejja li l-poplu kien qed jiġi mgħarraf biex jagħmel is-sagrifiċċji għax pajjiżna kien għaddej minn żminijiet diffiċli. Filwaqt li aħna kollna kollha kemm aħna qed nerfgħu l-piż, kien hawn min qed isir miljunarju kbir.

Bil-każijiet skandalużi u ta’ korruzzjoni li qed nisimgħu dwarhom u li jikkonċernaw nies li kienu u għadhom parti mil-Partit Nazzjonalista u mill-Gvern preċedenti, wieħed mhux ta’ b’xejn jinduna għaliex pajjiżna qatt ma seta’ jiehu r-ruħ.  Illum qegħdin nindunaw għaliex il-PN fil-Gvern kaxkar saqajh biex idaħħal il-liġi tat-tneħħija tal-preskrizzjoni u saħansitra baqa’ sakemm din ħalliha fuq l-ixkaffa. Illum l-istampa qed tidher ċara.

Tajjeb ngħidu li Simon Busuttil, li kien jiftaħar tant li kien il-qalba tal-Partit Nazzjonalista, kien kuntent dak iż-żmien meta l-partit tiegħu kien fil-Gvern, li ma jitkellimx dwar il-korruzzjoni, u dan għaliex ma qabillux, peress li kien komdu jieħu konsulenzi tal-miljuni. Jekk temmen f’xi ħaġa għandek titkellem mhux meta jaqbillek. Il-valuri għandhom ikunu hemm dejjem u mhux tużahom kif jaqbel lilek.

Illum madankollu l-istess Simon Busuttil qed ikaxkar miegħu l-id il-leminija u x-xellugija tiegħu, u ċoe’ liż-żewġ viċi kapijiet tiegħu, Beppe Fenech Adami u Mario Demarco, li t-tnejn li huma jidher b’kumbinazzjoni, li kienu qed jibbenefikaw bis-sew taħt il-Gvern preċedenti. Għalihom madankollu kollox jidher skużat mill-kap tagħhom u donnhom iriduha li m’għamlu xejn ħażin.  B’fatti f’idejh, Simon Busuttil m’għamilhom xejn lil dawn it-tnejn u ma ttieħdu l-ebda passi fil-konfront tagħhom minkejja li l-karti jitkellmu waħedhom. Jidher li għall-PN kollox jgħaddi.

Għalhekk kif trid temmen lil Simon Busuttil meta jitkellem dwar il-korruzzjoni.  Għal Simon lilek jiġġudikak mod iżda għal tal-qalba tiegħu jiġġudikahom mod ieħor u jagħlaq għajneh u widnejh it-tnejn. Lilek jgħidlek “Barra” iżda lil tal-qalba tiegħu din il-kelma ma teżistix. Anzi, lil tal-qalba jiddefendihom anki f’każijiet ta’ korruzzjoni.

B’dan l-aġir tal-Oppożizzjoni wieħed ma jistax ma jindunax li s-sinċerita’ u l-onesta’ mhijiex preżenti fl-aġenda tal-PN.  L-għan tal-PN huwa wieħed biss, li jieħdu vantaġġ politiku u anki jigdbu u jgħawġu l-fatti, l-aqwa li jipprovaw jerbħu l-Gvern biex jerġgħu jibdew jiffangaw minn fuq daharna.

Is-sewwa jerbaħ żgur u l-poplu jaf jagħraf u jiġġudika. Ir-risposta’ li ta l-poplu fl-aħħar elezzjoni wera biċ-ċar li dan il-pajjiż ried tmexxija ġdida u moderna. Tmexxija serja u b’viżjoni. Tmexxija ta’ onesta’ u sinċerita’. B’hekk ivvota lil dan il-moviment u lil Joseph Muscat. Ir-risposta li ta l-Poplu Malti u Għawdxi nhar il-Ħadd li għadda reġa’ wera biċ-ċar li l-poplu qed jirrikonoxxi l-ħidma ta’ dan il-Gvern u li hija biss l-Oppożizzjoni li għandha tibqa’ barra.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

1 Comment

  1. Jigifieri Mr. Castaldi Paris int ghamilt 10 snin taf li l-affarijiet ma kinux mexjin sew u bqajt tappogja lil Gonzi u l-partit nazzjonalista?

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend