Dimostrazzjonijiet ta’ Jum il-Ħaddiem li spiċċaw bil-gass tad-dmugħ – One News

Notifiki

Dimostrazzjonijiet ta’ Jum il-Ħaddiem li spiċċaw bil-gass tad-dmugħ

Pajjiżna jkompli jiddistingwi ruħu mill-kumplamet tal-Ewropa. Filwaqt li d-dimostrazzjoni f’Malta ta’ Jum il-Ħaddiem kienet waħda ffukata fuq is-suċċessi ekonomiċi u l-ħidma li trid tkompli ssir biex il-ħaddiema jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar, ma jistax jingħad l-istess għal dak li seħħ f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej.

Dawn id-dimostrazzjonijiet, li bdew b’mod paċifiku, spiċċaw fi ġlied vjolenti mal-Pulizija li użaw l-ilma u l-gass tad-dmugħ.

Skont il-gazzetta Birgun, fit-Turkija, karozza tal-Pulizija qatlet raġel ta’ 57 sena f’Istanbul fejn ġew arrestati iżjed minn 200 demostrant f’Misraħ Taksim.

Cumhurriyet tgħid li f’Ankara, il-Pulizija arrestat għadd ta’ rġiel suspettati li għandhom rabtiet mal-militanti Kurdi jew tal-Istat Iżlamiku. F’Iżmir, xi demostranti neżgħu għarwenin bi protesta kontra l-fatt li l-pulizija kienu qed ifittxu lin-nies li riedu jmorru għal-laqgħa fil-pjazza ewlenija.

Kien hemm dimostrazzjonijiet fi Franza, Spanja, l-Ġermanja, l-Italja u l-Awstrija fejn Kurrier tgħid li l-Kanċillier Werner Faymann spiċċa bbuwjat wara l-figura miskina li qatgħet il-koalizzjoni fl-elezzjoni presidenzjali l-ġimgħa l-oħra. Fl-Ingilterra, Metro tirraporta li l-mexxej Laborista Jeremy Corbyn ikkundanna r-razziżmu u l-kisbiet li qed jagħmlu l-movimenti leminija fl-Ewropa.

Skont China Times, f’Taipei, il-unions talbu lill-gvern inaqqas is-siegħat tax-xogħol u jżid il-pagi. Ħafna żgħażagħ qed jilmentaw li qed jiġu sfruttati mill-korporazzjonijiet internazzjonali. Manila Times tgħid li madwar elfejn dimostrant mill-partiti tax-xelluġ kellhom xi jgħidu ma-pulizija fit-toroq ta’ Manila hekk kif ippruvaw jersqu lejn l-ambaxxata tal-istati Uniti.

O Globo tirraporta li l-President Dilma Rousseff tal-Brażil ħadet l-okkazzjoni biex titkellem f’rally f’Sao Paulo biex tħabbar li kien bi ħsiebha ttejjeb il-benefiċċji soċjali, tnaqqas l-income tax għall-klassi tan-nofs u tibni 25 elf appartament li jinbiegħu bi prezz baxx lill-ħaddiema. F’rally oppost, il-mexxej tal-union, Paulinho da Forca, qal li dawn huma miżuri iddisprati ta’ president li qed tistenna li titkeċċa mill-kariġa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend