Magħna taf fejn qiegħed – One News

Notifiki

Magħna taf fejn qiegħed

Dan in-news portal huwa vuċi oħra għal ONE NEWS fejn inwasslu l-aħbarijiet u nikkomunikaw mas-segwaċi tagħna. Hawn ukoll il-prijorità se tkun li nwasslu l-aħbar u li ngħarrfu lill-pubbliku b’dak li jkun għaddej.  Bil-prijorità onlajn tkun dik li nagħmlu dan kemm jista’ jkun mal-ewwel.

Se nkunu qegħdin inżommu l-prinċipji li nżommu ta’ kuljum fil-bulettin tas-19.30 u kull aġġornament ieħor. Ir-rispett lejn dawk li jsegwuna.

Għax daqskemm nifhmu l-interess tax-‘shareholder’ tagħna, li hu l-Partit  Laburista, nifhmu li mingħajr dawk li jisimgħuna, jarawna, u issa jaqrawna, aħna m’aħna xejn.

Forsi ta’ spiss tqum il-kwistjoni dwar xi rwol għandha l-media tal-partiti politiċi f’demokrazija. Riċentament kollega minn Times of Malta qalli li mhemmx posthom f’demokrazija. Ma naqbilx.

Għax bħal donnu hawn ħafna għandhom idea żbaljata ta’ demokrazija. Donnu hawn ħafna li jitkellmu dwar il-libertà tal-kelma li jġibu ruħhom b’tali mod li l-kelma hija libera sakemm togħġob lilhom.

Jien ngħid li mhux biss hawn postna f’demokrazija iżda iktar importanti minn hekk magħna taf ukoll fejn qiegħed. U nagħti żewġ eżempji.

Fl-aħħar jiem f’ġurnata waħda sar magħruf li d-deputat Silvio Schembri rebaħ libell marbut mal-kampanja tal-Partit Nazzjonalista dwar min jiekol b’ħafna ħluq. Fil-Qorti rriżulta li dak kollu li ntqal fuqu kien qlajja. Inzerta, li fl-istess jum ħarġet ukoll inkjesta li wriet li fil-każ tad-diskrepanzi fil-fjuwil tal-Kap tal-Oppożizzjoni x-xufier ma kellux ħtija. Anke jekk diskrepanzi kien hemm.

Wieħed malajr jifhem għaliex tajna iktar preċedenza lill-aħbar ta’ Schembri, għalkemm l-oħra kienet rapportata wkoll. Schembri huwa wieħed mid-deputati tal-Partit Laburista u l-Qorti ġabet fix-xejn kampanja tal-Partit Nazzjonalista li ilha għaddeja tliet snin. Iżda wieħed diffiċli jifhem għaliex l-għada l-aħbar tax-xufier sabet postha f’ċerti gazzetti iżda ta’ Schembri le.

It-tieni eżempju. Fil-każ Panama Papers ċerti gazzetti kienet qed tirrapporta ta’ kuljum bi prominenza. Fil-faċċata għal diversi jiem. L-istess għamilna aħna. Għalkemm ovvjament qbadna l-aħbar minn lati differenti. Iżda qatt ma injorajna l-fatti bażiċi. Ftit wara ħareġ il-każ Demarco u hawn għafasna fuq il-fatti u bi prominenza. Dan għaliex inkixfet l-ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista. Għal ħaddieħor donnu f’daqqa waħda l-Panama ma baqgħetx importanti.

Dawn iż-żewġ eżempji huma xhieda ta’ għaliex dan in-newsportal għandek issegwih ta’ kuljum. Se ssib il-fatti u l-aħbar mal-ewwel. L-interpretazzjoni tagħhom taf minn fejn ġejja, għax taf minn aħna u x’aħna. Għalhekk tista’ tasal għal konklużjonijiet tiegħek b’mod intelliġenti.

Differenti minn meta min ikun qed iwassalek il-messaġġ jaħbilek l-interessi tiegħu u ma tkunx taf fejn irid jasal.

Segwina, għax magħna taf fejn qiegħed.

Ta’ QabelLi Jmiss
F’dan il-blog Aleander Balzan se jkun qiegħed jikteb ħsibijietu dwar temi differenti li jkunu għaddejjin f’pajjiżna; mill-politika għal temi soċjali u oħrajn kontroversjali. Min jaf lil Aleander jaf li huwa dritt għal punt u dak li għandek tistenna f'dan l-ispazju. Huwa gradwa fl-Istudji Ewropej, il-Komunikazzjoni u l-Politika mill-Università ta’ Malta

2 Comments

  1. Sur Balzan,
    Ma nafx kif ħadd għadu ma nvestiga dawn li ser ngħid;
    a)Il-flus li qal li nesa Austin Gatt fi Switzerland, kien qal li kien wirithom minghand missieru. Jekk veru meta? Daħlu f’daqqa? Kienet titħallas taxxa?

    b)Ninu Zammit (anki ħuh 2 miljuni oħra) Kellu 3 miljuni meta kien jidikjara l-minimum wage. Min hu inkarigat mit-taxxa li baqa li kien taħt in-nazzjonalisti!!!!!! agħmel investigazzjoni kif daħlu fil-Bank?

    c)L-istess il-Perit Michael Falzon b’somma inqas imma konsiderevoli !!!!!!

    Il-fatt li tnejn minnhom tkeċċew mil-PN ma jfisser xejn !!!!! DAWN HUMA ABBUZI LI JRIDU JIĠU NDIRIZZATI għax KUMBINAZZJONI KOLLHA KIENU MINISTRI TAL-ENERĠIJA

    1. Prosit Sur Coleiro. Kjarifika zghira: dak li kien jiddikjara paga minima kellu 3.5 miljun fil-kont sigriet.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend