“Viva Malta”, in-nawfraġju ta’ San Pawl, u realiżmu – diskorsi qabel iċ-ċerimonja li tat bidu għall-programm Malti

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Presidenza, Ian Borg, qal li Malta tinsab fit-tmun, u huwa mument storiku għal pajjiżna, li se tassumi l-ikbar rwol. Dan grazzi għall-ħidma sfieqa ta’ ħafna nies li rringrazzja.

F’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, Borg qal li “din hija l-Presidenza tagħkom iċ-ċittadini”. Qal li se ssir ħidma favur ħidma tanġibbli għal kulħadd, u min hu. Stqarr li l-politiċi mhux dejjem iwasslu l-impatt dirett tal-Unjoni Ewropea bl-aħjar mod, u teħtieġ li tiddawwar ir-rotta, biex iċ-ċittadin ikun fil-qalba tal-Ewropa. “Aħna ottimisti, għalkemm realistiċi”. Qal li Malta ma toffrix biss xemx u baħar, imma nies ta’ talent li ma jaqtgħux qalbhom mill-isfidi. “Malta lesta, u dan grazzi għalikom” temm jgħid Borg.

Tkellem warajh il-President tal-Kummissjoni Jean Claude Juncker, li beda billi qal “għażiż Prim Ministru”, bil-lingwa Maltija. Irrimarka dwar l-importanza storika ta’ Dar il-Mediterran u faħħar il-fatt li l-Belt Valletta se tkun il-Belt Kapitali Ewropea. “Malta may be a small country but it is a country with great ambitions” qal Juncker filwaqt li tkellem dwar il-bżonn ta’ messaġġ ta’ għaqda. “The Commission will be with you every step of the way, to assist” temm Juncker, u żied jgħid bil-Malti “viva Malta, viva l-Ewropa, nawguralkom għas-sitt xhur li ġejjin”.

“Ilkoll ngħixu taħt l-istess sema” beda d-diskors tiegħu d-Deputat Prim Ministru Louis Grech, filwaqt li osserva wkoll id-differenzi bejn il-viżjoni tad-diversi pajjiżi fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Ir-reazzjonijiet nazzjonali għal uħud qed ikunu aktar importanti mir-razzjoni Ewropea, u dan qed iwassal għal ħafna tensjoni li tbiegħed liċ-ċittadini mill-Unjoni. Ħafna ċittadini sfaw jiġġieldu bejniethom dwar liem hi l-aħjar triq ‘l quddiem. Dan, spjega Grech, huwa x-xenarju li hemm fil-futur immedjat. L-2017 se tkun deċiżiva għall-UE biex tfittex terġa’ tgħaqqad l-Ewropa. “Din hija propju r-raġuni għala għażilna t-tema ta’ reunjoni” qal id-Deputat Prim Ministru. “Id-disorks dwar kriżi eżistenzjali fl-UE sar norma aċċettata” qal  Grech, iżda jkun żball jekk wieħed jintelaq għan-niżla u jirrassenja ruħu.

Donald Tusk, President tal-Kunsill Ewropew, qal li huwa żmien straordinarju biex wieħed ikollu l-Presidenza f’idejh. Il-proċedura Brexit, biss biss, se tkun imedija. Hemm bżonn tmexxija li hija kompetenti u hija xorti tajba li se tkun f’idejn il-Maltin. Malta nfisha hija simbolika tal-identità Ewropea, u wieħed biżżejjed iħares lejn l-istorja ta’ din il-gżira. “We all have our roots in the Mediterranean” fakkar Tusk u qal li Malta hija ankra simbolika. Irrefera għan-nawfraġju ta’ San Pawl u qal li ċ-ċerimonja tal-llejla se tkun eżempju ta’ kif Malta għadha tospita lin-nies, eluf ta’ snin wara.

Fl-aħħar tkellem il-Prim Ministru Joseph Muscat, li ħeġġeġ lin-nies jimmaġinaw Malta mhux indipendenti, sittin sena biss ilu. Dan biex kulħadd jifhem il-kuntest ta’ din il-Presidenza Maltija. Kuntest ta’ pajjiż realistiku li jifhem u li m’għandux delużjonijiet ta’ kobor. “L-ideali Ewropej huma sbieħ” spjega l-Prim Ministru, iżda qal li l-isfida hija li wieħed ikun realistiku u ma jippretendix li jsolvi l-problemi kollha tal-UE fi ftit xhur. Ix-xogħol imwettaq irid jinħass snin ‘l quddiem, u kull pass għandu importanza. Jeħtieġ li l-ewwel wieħed jifhem in-nies x’jgħidu bejniethom, u realistikament dawn ma jitkellmux mal-politiku. Għall-kuntrarju, jitkellmu bejniethom dwar affarijiet li jolqtuhom direttament. Il-politiċi jeħtieġ jirnexxilhom iwieġbu d-domandi tan-nies, inkella jweġbuhom ideali li jmorru kontra l-kunċett Ewropew. Tkellem dwar it-temi li se tindirizza Presidenza Maltija, fosthom fl-immigrazzjoni u fejn jidħlu żviluppi u drittijiet fid-dinja teknoloġika. “Se nkunu interlokoturi onesti” qal il-Prim Minsitru Malti, qabel beda l-ispettaklu li ta’ bidu għall-programm Malti.

 

Ta’ QabelLi Jmiss