“Tkompli tispikka l-falsità ta’ Simon Busuttil” | One News

“Tkompli tispikka l-falsità ta’ Simon Busuttil”

Dan saħqu l-Ministru Owen Bonniċi waqt konferenza tal-aħbarijiet fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

Id-Deputat Laburista Clifton Grima qal li dan huwa skandlu li jibda u jispiċċa mal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. Dawk ta’ madwaru kollha ħaslu idejhom minn dan il-każ. Mario DeMarco qal li kien jaf bil-laqgħat bejn id-DB u Simon Busuttil iżda ma kienx jaf li qed jitħallsu l-pagi. Alex Perici Calascione, it-teżorier tal-PN u allura l-persuna legalment responsabbli, qal li ma kinitx taf lanqas. Chris Said, eks-Segretarju Ġenerali tal-PN li wkoll qal li ma kienx jaf u ħasel idu.

Grima qal li dan huwa skandlu li fuqu ilna nitkellmu u se nibqgħu nitkellmu. Fakkar li Busuttil huwa kap ta’ Partit li qed jaspira li jmexxi pajjiż li mar HU STESS jitlob li jitħallsu l-pagi tal-ogħla żewġ uffiċjali tiegħu fil-Partit Nazzjonalista.

Mario DeMarco qal ħaġa oħra importanti l-ġimgħa l-oħra, huwa qatt ma rrefera għall-flus bħala ‘relazzjoni kummerċjali’ kif prova jbenġel l-istorja l-Kap tal-Oppożizzjoni, iżda donazzjonijiet.

Mario DeMarco stess, qabel ma kienet ħarġet l-istorja tal-bieraħ li l-Ministru se jkun qed jagħmel referenza għaliha; ikkonferma li kien hemm ksur ta’ liġi tal-finanzjament tal-Partiti fejn kien hemm donazzjonijiet li jaqbżu l-figuri permessibli bil-liġi biex imorru għall-ħlas tal-pagi.

Fi kliem Grima: “Dan ifisser li Simon Busuttil li huwa l-awtur ta’ din l-iskema, mhux biss kiser il-liġi tal-finanzjament tal-Partiti iżda huwa totalment responsabbli mill-bidu sal-aħħar”.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li lbieraħ il-gazzetta Malta Today ħarġet storja li permezz tagħha kompliet tispikka l-falsità ta’ Simon Busuttil; ħareġ l-isem tal-kumpanija SkyGourmet u rrizulta li ma kien hemm l-ebda reklam.

Xogħol din il-kumpanija huwa li tagħmel il-bziezen fuq l-ajruplani tal-Airmalta, u allura mhux biss qatt ma rajna reklami, iżda li assolutament m’hemm l-ebda bżonn ta’ reklami għax l-ikel huwa parti mill-prezz li ġġib magħha titjira mal-linja Nazzjonali.

B’din l-istorja llum, żied jgħid il-Ministru, mhux biss ikomplu l-konfermi kemm l-invoices huma verament foloz u llegali, iżda li dawn l-invoices inħarġu fuq kumpaniji oħra biex ikunu moħbija.

Il-Ministru Bonniċi qal li din hija skema bizzila li ħadem Simon Busuttil iżda li hu stess biex jipprovaw jdawwar l-attenzjoni minn fuq inkjesta ppubblikata fuq Beppe Fenech Adami iżda li spiċċa biex spara f’saqajh.

“Simon Busuttil huwa falz. Iżda minkejja l-falsità tiegħu, huwa xorta l-bniedem responsabbli mill-bidu sal-aħħar” tenna Owen Bonnici.

Spjega r-raġunijiet għaliex Simon Busuttil huwa falz;

  1. Filwaqt li għamel attakk sħiħ fuq il-Gvern fuq il-kuntratti li huma importanti u sensittivi għall-pajjiż kollu, liema kuntratti ġew pubblikati, iżda hu ma jridx jippubblika invoices. Illum nafu fiċ-ċert għaliex.
  2. Filwaqt li kien qed jitkellem fuq il-liġi tal-finanzjament tal-Partit minn wara ħoloq skema biex idur mal-liġi, iċ-ċedoli u skema oħra biex jiksirha; pagi mħallsa mill-privat.
  3. Filwaqt li kien qed jitlob lill-Gvern biex jitnizzlu ċar iswed fuq l-abjad li donazzjonijiet lill-kumpaniji tal-Partiti huma donazzjonijiet, u kien talab hu stess li donazzjonijiet lill-kumpanija tal-Partit tiegħu jintużaw biex ikun iffinanzjat l-operat tal-Partit Nazzjonalista.
  4. Ilu erba’ snin jitkellem fuq good governance, trasparenza u onesta, iżda huwa kollox barra palladin tal-good governance, trasparenti u onest.
Ta’ QabelLi Jmiss