trabi | One News

Notifiki

‘Emma’ u ‘Noah’ kienu l-aktar ismijiet popolari għat-trabi fl-2018

Is-sena li għaddiet kienu rreġistrati kważi elfejn u mitejn isem differenti għal eluf ta’ tfal li twieldu f’pajjiżna.

Għat-tieni sena konsekuttiva Noah kien l-iktar isem popolari għall-ulied subien filwaqt li l-isem Emma ħa post Emily f’dawk li huma l-iktar ismijiet popolari għall-bniet.

Noah huwa isem mill-Ebrajk li jfisser mistrieħ u hu wieħed mill-ismijiet b’influwenza biblika fejn jingħad li Alla għażel lil Noah biex jibni l-arka u jimlieha b’ikel u annimali biex isalvaw minn għarar.

L-isem Emma huwa isem Ingliż li ġej mill-kelma antika Ġermaniża għal xi ħaġa sħiħa jew universali.

Mill-iktar tlieta popolari tas-sena l-oħra spiċċaw barra Emily u Sophia għall-bniet u Alexander u Samuel għas-subien. Minflok kienu Mia u Valentina t-tieni u t-tielet l-iktar ismijiet popolari għall-bniet filwaqt li fil-każ tas-subien kien hemm Luca u Liam.

Interessanti li għal darboħra, l-ismijiet doppji reġgħu kienu popolarissimi. Ngħidu aħna l-isem Emma nsibuh ukoll Emma Jade, Emma Kate, Emma May u Emma Ruby. L-istess l-isem Noah li nsibuh Noah Ġużè, Noah Mohamed u Noah Arthur fost oħrajn. Għall-bniet isem popolari ieħor kien dak ta’ Julia.

Fil-lista tal-ismijiet tidher evidenti wkoll l-influwenza tan-numru ta’ barranin fostna partikolarment dawk Taljani. Giulio, Giorgio, Gloria, Federica u ħafna oħrajn insibuhom kollha fost l-ismijiet ġodda f’pajjiżna din is-sena.

Ara: Ava u Travis huma l-ewwel żewġt itrabi tal-2019!

Ava u Travis, dawn huma l-ewwel żewġ itrabi tas-sena l-ġdida.

Ava kienet l-ewwel wild tas-sena, u twieldet 20 minuta wara t-tokki ta’ nofsillejl, għal dik li kienet sorpriża mhux mistennija għall-genituri tagħha, Josielle u Terence. Dan hekk kif iċ-ċkejkna Ava kienet mistennija tasal fit-tnax ta’ Jannar.

Fil-fatt, għall-aħħar tas-sena ftehmu li jiltaqgħu ma’ xi ħbieb:

“Morna hemm, u mbagħad, kont qed nilgħab billiard mat-tfajliet, u ħassejt l-uġiegħ, u qisek tkun taf li trid tidħol l-isptar.”

Filwaqt li l-hena tagħhom ifissdu liċ-ċkejkna Ava, il-ħsieb ma naqasx li jmur fuq ħuha ta’ sentejn.

“Nimmissja naqra lit-tifel, għax peress li għadu żgħir ma ġibtux. U qisu għadu ma jafx li għandu oħtu. Vera ħerqana li narah u nara r-reazzjoni tiegħu kif se tkun meta jara t-tifla.”

Issa li l-imħabba fil-familja kibret, staqsejnihom kif qed jaħsbu li se tkun ħajjithom.

“Ma naħsibx li se jkun hemm preferenzi, taf kif, it-tnejn indaqs, imma sakemm nidraw lil din issa hu. Naraw il-karattru tagħha x’inhu, x’tagħmel. S’issa kwieta tidher hu. Tidher kwieta ħafna.”

 Maġenb Ava u l-ġenituri tagħha sibna lil Travis, flimkien ma’ ommu Bernice u missieru Scott.

Travis twieled fis-01:40 ta’ filgħodu, u ħalla lill-ġenituri jistennewh xi ftit, kif spjegawlna l-ġenituri tiegħu stess:

 “Qabez id-due date. Suppost kellu jigi fit-28, allura kuljum nistaqsu x’se jiġri. Ma tantx stajna nippjanaw affarijiet lanqas, allura nistennew il-ġurnata tasal.”

Spjegawlna li l-istennija ta’ disa’ xhur kienet twila, imma r-riżultat aħħari kien ta’ sodisfazzjon kbir. Hekk kif dan kien it-tieni wild, staqsejna lil Bernice kif kienet l-esperjenza din id-darba.

“L-istess bejn wieħed u iehor. Iktar eċitata kif imur ħuh la jarah fil-verità.”

U kif jimmaġinaw li se tkun ħajjithom issa li l-imħabba f’ħajjithom kibret?

“Naqra iktar bieżla hux. Iktar okkupata, imma iktar ferħ fl-istess hin. Iktar xi ħaġa sabiħa.” Fuq wiċċ il-ġenituri ta’ dawn iċ-ċkejknin kienet evidenti xi naqra ansjetà. Ansjetà li però tintrikeb mill-ferħ kbir li ġabu dawn it-trabi fil-ħajjiet tal-ġenituri tagħhom.

Wasliet li bla dubju wittew il-triq għal sena mimlija esperjenzi, u ferħ.

Inawgurat monument tat-trabi fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija f’Għawdex

Kien inawgurat monument tat-trabi fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija f’Għawdex nhar il-Ħadd 25 ta’ Novembru 2018 b’solidarjetà sħiħa ma’ dawk l-ommijiet li għaddew minn telfa simili.

Il-Ministru għal Għawdex permezz tal-midja soċjali esprimiet li jgħaddi kemm jgħaddi ż-żmien, mumenti bħal dawn ma jintesew qatt fejn anke hi stess għaddiet minnha u wriet is-solidarjetà tagħha.

Sa issa twieldu sebat itrabi fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm

Ġurnata ta’ ferħ għall-seba’ familji f’Malta. Dan hekk kif sa issa b’kollox twieldu tliet ibniet u erba’ subien fl-Isptar Mater Dei.

Minkejja li l-miġja ta’ kull tarbija hija waħda speċjali, il-wasla ta’ dawn it-trabi għandha sinifikat aktar importanti għall-familji tagħhom, dan hekk kif huma twieldu fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm.

Festa li tiġi ċċelebrata darba fis-sena bħala sinjal ta’ apprezzament għax-xogħol siewi li jagħmlu l-ommijiet għal uliedhom matul is-sena kollha.

F’isem il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ ONE NEWS, nawguraw lill-ommijiet kollha l-isbaħ xewqat f’dan il-jum tant speċjali għalihom.

BIL-FILMAT: Jgħaffġu wiċċ tarbija tat-twelid biex jidħku

 

Grupp ta’ erba’ infermiera mis-Saudi ġew imkeċċija minn sptar f’Taif fis-Saudia Arabja stess. Kellhom ukoll il-liċenzja ta’ infermiera rrevokata.

Dan ġara malli nxtered filmat fuq il-mezzi soċjali wara li l-grupp ta’ infermiera ffilmjaw lilhom nfushom jgħaffġu wiċċ it-tarbija tat-twelid li ddaħlet l-isptar minħabba li kellha infezzjoni, sempliċiment biex jidħku.

 

Iż-żieda fil-barranin fissret żieda fit-trabi li twieldu f’Malta

  • MEDJA TA’ BEJN 1.3 U 1.5 WILD GĦAL KULL KOPPJA MALTIJA
  • ŻDIEDU L-PARI TA’ TEWMIN LI TWIELDU F’MALTA

Iż-żieda fin-numru ta’ barranin jgħixu Malta hija riflessa wkoll fiż-żieda ta’ twelidijiet. Fil-fatt, id-Direttur tas-Servizzi tal-Maternità fl-Isptar Mater Dei, Mark Brincat, innota kif iż-żieda fl-ammont ta’ trabi li twieldu s-sena li għaddiet m’għandhiex tilludina li l-Maltin reġgħu qed ikabbru l-familji tagħhom. Minflok, jidher li dan hu effett tal-barranin li sabu impjieg u bdew ħajja f’pajjiżna u għalhekk qed ikabbru l-familja tagħhom hawn ukoll. Filwaqt li dan hu numru li  kien qed jikber b’mod kostanti, bejn l-2013 u l-2014 kien hemm żieda qawwija ta’ madwar  200 persuna ta’ nazzjonalità oħra li welldet Malta.

Aqra aktar

58 abort Malti fl-Ingilterra

Is-sena li għaddiet saru 58 abort fl-Ingilterra minn persuni ta’ nazzjonalità Maltija. Dan jirriżulta minn rapport annwali li jkun ippubblikat ta’ kull sena mid-Dipartiment tas-Saħħa fl-Ingilterra fejn joħroġ tagħrif dwar in-notifiki li jkunu għaddew lill-uffiċjali t-tobba li jkunu wettqu l-abort fuq persuni fl-Ingilterra u Wales.

Notifika li hija mitluba skont illiġi tal-pajjiż. Jirriżulta li kien hemm 190,406 abort li saru fl-Ingilterra u Wales is-sena l-oħra. Tnaqqis żgħir mill-191,014 każ ta’ abort fl-2015. L-iktar etajiet popolari fejn isir l-abort huma dawk ta’ fuq l-20 sena għalkemm kien hemm każi fejn kien irrapportat li sar abort minn persuni fl-età ta’ 12- il sena u saħansitra jitilgħu għal persuni fuq l-40 sena.

Aqra aktar

FILMAT: Sorpriża mill-isbaħ għall-infermiera li salvat mijiet ta’ trabi

Sorpriża mill-isbaħ kienet dik għall-infermiera Renee li taħdem fl-isptar ta’ WellStar Kenenstone f’Ġeorġja. Din l-infermiera hija maħbuba mill-bosta hekk kif matul is-snin ħadet ħsieb u salvat eluf ta’ trabi li twieldu qabel iż-żmien.

Dan il-filmat mill-isbaħ juri kemm ix-xogħol tagħha ġie apprezzat mill-ġenituri u t-tfal. Numru ta’ tfal li din l-infermiera rnexxielha ssalva bid-dedikazzjoni u l-ħidma tagħha żaru lil Renee.

Ma setgħetx temmen kemm kibru u hija bdiet tibki bl-emozzjoni u l-ferħ. Dan il-filmat juri l-importanza tal-ħaddiema fl-isptar, fost oħrajn, li ta’ kuljum jaħdmu biex dawk l-iktar għeżież għalina jingħataw l-aqwa kura.

Aqra aktar

Send this to a friend