thomas saintfiet – One News

Notifiki

Kemm kien il-kumpens li ngħata lil Saintfiet?

Wara li ħarġet l-aħbar li l-eks kowċ tat-tim nazzjonali Malti tal-football Tom Saintfiet kien se jingħata kumpens wara li ġie tterminat il-kuntratt tiegħu, bdew iqumu l-mistoqsijiet fuq kemm hu dan il-kumpens.

Ma’ One News, il-ġurnalist sportiv Antvin Monseigneur spjega kif sorsi qrib l-MFA qalu li waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-istess assoċjazzjoni, intqal li l-kowċ Belġjan tħallas nofs il-paga li kien fadallu jieħu kieku l-kuntratt kien onorat.

Żied jgħi li minn kalkoli approssimattivi, Sainfiet kellu paga ta’ €5,000 fix-xahar, jiġifieri kien diġa tħallas €30,000 wara li dam sitt xhur fil-kariga.

Dan filwaqt li fl-aħħar jiem, huwa tħallas madwar €45,000 biex jitwaqqgħu kwalunkwe passi legali kontra l-istess MFA.

Iċ-ċifra ta’ €45,000 tiġi mill-fatt li huwa kien għad fadallu tmintax-il xahar fil-kuntratt. Nofshom jiġu disa xhur, u €5,000 kull xahar.

Il-ġurnalist sportiv Monseigneur sostna li dan ifisser li Saintfiet sewa lill-klabbs Maltin madwar €75,000. Huwa ddeskriva dan kollu bħala esperiment vanituż, hekk kif l-MFA marret kontra l-pariri biex ma jinħatarx Saintfiet.

Il-kowċ Belġjan tkeċċa wara li ismu deher f’rapport fil-midja internazzjonali li kien wieħed minn diversi persuni li applikaw għal kowċ tat-tim nazzjonali tal-Kamerun.

Min-naħa tiegħu, Saintfiet kien ċaħad li għamel dal-pass.

Il-ġurnalist Monseigneur staqsa jekk il-fatt li l-MFA se tħallas dal-kumpens, l-assoċjazzjoni hux qed taċċetta li t-tkeċċija ma kinitx għal kawża ġusta, għal kuntrarju ta’ dak li kien intqal minn esponenti tal-MFA meta tkeċċa.

Dan għaliex kieku kien hekk, l-MFA ma kienx ikollha għalfejn tħallas kumpens.

Sorsi oħra qalu ma’ One News li l-kuntratt ta’ Saintfiet ma kienx jagħmel referenza fuq jekk jistax japplika ma’ tim ieħor.

Send this to a friend