tazza tad-dinja | One News

Notifiki

Mill-Ġermanja għal Franza

Ikolli nammetti li m’inhix intiża ħafna fl-isports, wisq inqas fil-futbol, iżda anke jekk ma tkunx, it-Tazza tad-Dinja tiġbed l-interess ta’ kulħadd, f’kull rokna tad-dinja, mill-kbir għaż-żgħir. Lanqas mhi l-intenzjoni tiegħi li nanalizza r-riżultat, iżda ċertament kellna rebħa meritata. Kienet Tazza tad-Dinja li tat sorpriżi, b’riżultat li ftit li xejn kien mistenni –filli l-Ingliżi determinati li Football is coming Home u filli Hugo Lloris qed jgħolli t-tazza għat-tim Franċiż. Iżda jekk tħares lejha minn lenti differenti, faċilment tinnota s-saħħa tad-diplomazija sportiva, liema waħda li jkolli ngħid li għandha l-akbar impatt fuq in-nies.

Nieħdu eżempju, l-Olimpjadi tal-2018 ressqu ‘l quddiem żewġ pajjiżi li ilhom snin għedewwa ta’ xulxin: Il-Korea ta’ Fuq u l-Korea ta’ Isfel. Dan meta t-tim tal-hockey kien ippreżentat minn parteċipanti miż-żewġ naħat. Deċiżjoni politika li waslet biex ftit wara ż-żewġ mexxejja li kienu għedewwa ħadu b’idejn xulxin f’żona li tifridhom.

Fit-Tazza tad-Dinja konna xhieda ta’ diplomazija sportiva li bil-prestazzjoni u riżultati ta’ ċertu pajjiżi bagħtu sinjal ċar lid-dinja u lill-popli tagħhom.

Bla dubju, l-Ingilterra kien wieħed minn dawn il-pajjiżi. Fl-eqqel tat-Tazza tad-Dinja, l-Ingliżi ma kellhomx ġimgħa faċli bil-Prim Ministru Theresa May tħabbat wiċċha ma’ riżenji marbuta mal-mod ta’ kif qed tmexxi n-negozjati Brexit. Irridu ngħdu li wara d-deċiżjoni tal-poplu Ingliżi, l-Ingilterra bdiet taffaċja iżolament fuq pjattaforma internazzjonali li affettwat xi ftit il-vuċi tagħha. Iżda t-Tazza tad-Dinja kienet is-sors li tat lura relevanza li dehret mitlufa. Fi sfond ta’ sitwazzjoni kaotika fil-pajjiż, t-Tazza tad-Dinja tat ċertu struttura u fuq kollox tama ġdida.

L-istess jista’ jingħad għal Franza, għalkemm l-istorja hi ftit differenti. Qed nitkellmu fuq Forza Ewropea li fl-aħħar xhur u snin rajniha titlef il-vuċi tagħha kawża ta’attakk terroristiku wara ieħor. Nazzarda ngħid li kienet qed titlef il-vuċi Ewropea tagħha u dan għax fl-Unjoni Ewropea kien hemm it-tendenza li l-aħħar kelma kienet tal-Kanċillier Ġermaniz Angela Merkel li qed tmexxi pajjiż b’koalizzjoni tpoġġi nċertezza fuq l-istess tmexxija. It-Tazza tad-Dinja ta’ din is-sena, għaddiet mill-Ġermanżi għal għand il-Franċiżi. Simbolu tax-xenarju Ewropew, bil-President Franċiż Emmanuel Macron qed jerġa’ jagħti lura l-vuċi Franċiża fuq pjattaforma internazzjonali . Dik il-vuċi li fl-aħħar snin , minn Sarkozy għal Hollande, ħafna kienu jarawha bħala l-vuċi ta’ xi segretarji ta’ Merkel. Meta Hugo Lloris għolla t-Tazza,  reġa’  radd lura l-glorja lill-art meqjusa bħala Omm il-Libertà, Ekwità u Fraternità.

Ma nistax nħalli barra l-pajjiż li ospita din it-Tazza tad-Dinja, r-Russja. Anke jekk ma rebaħx, xorta serva ta’ opportunità li esebixxa s-saħħa tal-President Russu , Vladimir Putin, anke jekk fadallu l-aħħar ftit snin imexxi l-Kremlin.  Bi ftuħ eċċezzjonali, tneħħi l-parti tal-ġest xejn nobbli tal-kantant Robbie Williams, għal għeluq mill-aqwa. ‘Nilqagħkom f’pajjiż miftuħ u bi ħbiberija’ qal Putin fid-diskors tal-ftuħ, li taqbel jew ma taqbilx mal-politika tiegħu, l-isport jew aħjar il-futbol għaqqad id-dinja f’pajjiż li jmexxi hu.

F’xenarju bħal dan bla ma trid tistaqsi x’se tkun ir-Russja mingħajr Putin fit-tmun jew x’inhi r-Russja mingħajr Putin?

Iżda, nemmen li  r-rebħa Franċiża esebixxiet is-saħħa tal-pajjiż u tal-kontinent Ewropew, li anke jekk qed jaffaċja bosta sfidi, xorta waħda tpoġġi l-Ewropa minn ta’ quddiem nett fuq ix-xenarju politiku nternazzjonali.  Kienet Tazza tad-Dinja simbolika, fejn filwaqt li rebaħ l-establishment ta’ Didier Deschamps, ingħataw lura eroj ġodda u s-supremazija lill-poplu Franċiż.

 

Allez le Blues !

Iċ-champions tad-dinja lura f’pajjiżhom

Il-Franċiżi jinsabu fis-seba’ sema’ wara li għat-tieni darba fl-istorja tagħhom irnexxielhom jirbħu t-Tazza tad-Dinja li saret fir-Russja.

Il-Franċiżi rebħu t-tieni Tazza tad-Dinja wara li għelbu lill-Kroazja b’rebħa ta’ erba’ bi tnejn f’logħba sabiħa li kien fiha spettaklu ta’ gowls, iżda wkoll ta’ kontroversja bl-użu tas-sistema tal-VAR li wasslet ukoll għall-penalty favur it-tim Franċiż.

Il-Franċiżi reġgħu għollew it-tazza, l-aktar waħda prestiġġjuża fid-dinja tal-futbol wara għoxrin sena meta fi Franza stess, il-kowċ nazzjonali Franċiż Didier Deschamps kien għolla wkoll it-Tazza tad-Dinja bħala l-captain tat-team nazzjonali Franċiż b’rebħa fuq il-Brażil.

Aqra aktar

BIL-FILMAT: Isiru vjolenti ċ-ċelebrazzjonijiet franċiżi

Żewġ partitarji franċiżi tilfu ħajjithom hekk kif iċ-ċelebrazzjonijiet fiċ-ċentru ta’ Pariġi saru vjolenti.

Dan wara li għadd kbir ta’ partitarji franċiżi ħonqu t-toroq taċ-Ċentru tal-Belt Kapitali Franċiża biex jiċċelebraw r-rebħa storika tat-tielet tazza tad-dinja mit-tim Franċiż. Madankollu ċ-ċelebrazzjonijiet ħadu xeħta negattiva hekk kif bosta partitarji bdew jisparaw murtali qalb in-nies filwaqt li kien hemm oħrajn li serqu u wettqu ħsarat f’bosta ħwienet.

Il-Pulizija Franċiża pruvat tikkontrolla s-sitwazzjoni anke permezz tat-twaddib tal-ilma bi pressa qawwija.

Din m’hix l-ewwel darba li ċ-ċelebrazzjonijiet fi Franza ħadu xeħta negattiva hekk kif xeni simili dehru fit-toroq franċiżi wara r-rebħa li t-tim Franċiż kellu kontra l-Belġju fis-semifinali ta’ din it-tazza tad-dinja.

 

Aqra aktar

Send this to a friend