Elisa Buhagiar ta’ 10 snin mill-Imtarfa hija l-vittma li tilfet ħajitha traġikament f’inċident tat-traffiku fil-Mellieħa l-Ħamis filgħaxija. Aħbar li ħasdet lil bosta, iżda telfa akbar għal dawk li kienu jafuha. Fosthom it-tfal tal-iskola St Joseph, l-iskola li kienet tattendi Elisa li kienet fil-ħames sena tal-iskola primarja, u magħha kienu jqattgħu ħafna ħin fuq il-bank tal-iskola.
Viżibbilment emozzjonati, Maya Camilleri u Marya Mizzi, ħbieb tal-qalb ta’ Elisa u li kienu jmorru l-iskola magħha, qalulna li ma jistgħux jemmnu li tilfu lil Elisa.
“Meta sirt naf li mietet ħadt dik id-daqqa qisni f’dinja oħra…. Kien xokk kbir u qisna riedna naċċettaw li ħabiba tagħna kienet mietet u ma nistgħux nġibuha lura”, qalu Maya u Marya.
Iż-żewġt iħbieb jirrakkontaw kif il-Ħamis raw l-aħbarijiet u semgħu bl-inċident imma qatt ma basru li l-vittma kienet se tkun Elisa.
“Rajt l-aħbarijiet u rajt l-inċident imbagħad bagħtu li l-kunċert tħassar…. ħadt xokk kbir meta l-parents bagħtu u qalu li Elisa. Jien ħsibt li kienet orajt imma kien xokk kbir ilni nafha mill-kindergarten”.
Il-jum tal-ġimgħa kellu jkun importanti għal Elisa, għax wara ġimgħat sħaħ ta’ tħejjijiet, kien se jkollha l-parti ewlenija fil-kunċert tal-iskola. Iżda d-destin ried mod ieħor, u l-iskola ħassret il-kunċert b’sinjal ta’ rispett lejha u qrabatha.Aqra aktar