Qorti tal-Magistrati | One News

Notifiki

6 xhur ħabs għall-parker li m’obdiex il-qorti

Edward Farrugia, li ppoża ta’ parker f’parkeġġ pubbliku fil-Belt, ingħata sentenza ta’ 6 xhur ħabs u ġie mmultat €2,000 wara li m’obdiex ordni tal-Qorti biex ma jersaqx lejn il-parkeġġ.

Farrugia ġie arrestat bħal-llum ġimgħa fil-parkeġġ ta’ Hastings, fejn kien qed joffri servizz biex jaħsel il-karozzi. Hu inżamm taħt il-kustodja minn dak inhar.

L-uffiċjali ta’ Transport Malta kienu ilhom jinsistu mas-sur Farrugia biex ma jibqax fil-parkeġġ fejn kien qed jippoża ta’ parker meta m’għandux it-tag ta’ Transport Malta. L-Awtorita’ fetħitlu żewġ kawżi l-qorti imma hu ma tax widen u baqa’ jiffastidja lis-sewwieqa.

Transport Malta ġabret aktar evidenza u fetħitlu kawża oħra. Fil-5 ta’ Jannar, il-Maġistrat Joe Mifsud immultah €500, il-massimu li tippermetti l-liġi, u ordnalu ma jersaqx lejn iż-żona.

Minkejja dan, hu reġa’ ġie arrestat ħmistax wara fejn reġa’ deher quddiem il-Maġistrat Mifsud u ġie kkundannat 6 xhur ħabs filwaqt li mmultat €2,000, wara li injora l-ordni tal-Qorti,

Is-sewwieqa jistgħu jipparkjaw bla ħlas fil-parkeġġi pubbliċi u mhumiex obligati jagħtu donazzoni. Il-parkers liċenzjati għandhom jilbsu t-tag ta’ Transport Malta Transport Malta ħeġġet lil kull min jiltaqa’ ma’ xi abbuż biex jirraporta fuq il-freephone 80072393.

“Li m’għamilx ħaddiehor f’25 sena, għamilnih aħna”

“Li m’għamilx ħaddiehor f’25 sena, għamilnih aħna. Iktar trasparenza fl-għazla ta’ Imhallfin u Maġistrati”.

Kliem il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici, meta fuq il-mezzi soċjali ppublika  filmat dwar ir-riforma fil-proċess ta’ ħatriet tal-ġudikanti. Iktar kmieni din is-sena pajjiżna kellu l-ikbar riforma kostituzzjonali f’dawn l-aħħar 30 sena.

Issa hemm aktar trasparenza – l-għażla tal-ġudikanti hija f’idejn il-kabinett. Minflok, ġie ifformat sotto-kumitat fi ħdan il-kummissjoni għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Biex tkun taf dwaru u kif jaħdem, segwi l-filmat hawn taħt.

Aqra aktar

Imħallfin u maġistrati sodisfatti

L-Assocjazzjoni tal-Magistrati u Imħallfin esprimiet sodisfazzjon għal-ligi li għadha kif għaddiet mill-Parlament fejn kienet emendata l-Kostituzzjoni ta’ Malta u ntrodott, fost affarjiet oħra, pensjoni għall-membri tal-Ġudikatura.

Fi stqarrija l-Assocjazzjoni osservat bi pjaċir li din il-leġiżlazzjoni għaddiet mill-Parlament bil-vot unanimu tal-deputati tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni.

L-Assoċjazzjoni qalet li tqis li din il-legiżlazzjoni sejra ssaħħaħ il-qasam tal-amministrazzjoni tal-Ġustizzja ta’ pajjiżna anke għaliex qed tirrikonoxxi r-rwol vitali li għandha l-Ġudikatura fit-tisħiħ tad-demokrazija fil-pajjiż.

 

Każ quddiem il-Kummissarju tal-ġustizzja

Tul l-ewwel sena minn mindu daħal fis-seħħ l-Att dwar id-Dipendenza fuq id-droga, il-Kummissarju tal-Ġustizzja, rwol maħluq minn dan l-istess att, semgħet tlett mija, erbgħa u erbgħin każ ta’ pussess sempliċi ta’ droga.

F’ tlettax-il seduta, minn Settembru tas-sena li għaddiet sa’ Marzu ta’ din is-sena, il-Kummissarju Vicky Scicluna, semgħet każijiet t’ individwi li nqabdu b’ammonti żgħar ta’ droga u li weħlu multa minima mingħajr ma tħamġitilhom il-kondotta.

Mit- 344 każ, 86 minnhom kienu persuni ta’ nazzjonalita barranija, 25 persuna kienu volontarjament irreferuti għall-għajnuna jew mitluba jattendu għal seduta oħra biex il-kummissarju tkun żgurata li dawn il-persuni jirċievu l-għajnuna li jeħtieġu.

Iżda l-għajnuna ulterjuri f’ dan l-istadju tista tkun rifjutata.  Madanakollu mat-tieni sejba ta’ ħtija, l-għajnuna hija imposta u l-każ ikun riferut quddiem il-Board ta’ Rijabilitazzjoni mid-Droga, ppresedut mill-ex Imhallef Giovanni Bonello.

S’issa kienet persuna waħda biss li nstabet ħatja darbtejn fi żmien ta’ sentejn jew inqas għalhekk ġiet riferuta quddiem dan il-Board.

Il-Ministru għall-ġustizzja Owen Bonnici stqarr li l-għan tal-liġi, li persuna tingħata l-għajnuna flok tkun trattata bħala kriminal, qed jintlaħaq.

Il-Bord għandu poter li jimponi ċertu direttivi li jwasslu għal konsegwenzi jekk ma jiġux obduti mill-persuna. Dan il-Board jisma’ ukoll każijiet ġenwini ta’ vittmi tad-droga mixlija b’pussess aggravat, meta l-Qorti tal-Maġistrati jidhrilha li l-akkużat għandu dipendenza serja fuq id-drogi iżda għandu l-volontà li joħroġ mill-vizzju.

Jekk ir-rijabilitazzjoni tkun suċċess, imbagħad il-Qorti tal-Maġistrati tagħti piena li ma tkunx waħda ta’ ħabs bilfors.

Tul is-sena saru disgħa u sebgħin talba għal riferenza mill-Qorti tal-Maġistrati għal quddiem il-Board tar-rijabilitazzjoni mid-Droga, minnhom kienu riferuti erbatax-il każ u s’issa ħames każijiet jinsabu fi stadju avvanzat.

 

 

Send this to a friend