musicals – One News

Notifiki

Il-Musicals għadhom popolari!

Fis-snin imgħoddija, il-musicals kienu popolari ħafna u Hollywood kien jagħmel minn kollox biex, fost l-oħrajn, jaqbad l-aqwa produzzjonijiet mużikali fuq Broadway biex jikkonvertihom għal fuq il-liżar ċinematografiku bl-akbar stravaganza possibbli.

Min jista’ jinsa’ musicals bħal “Singin’ In the Rain” (1952), “West Side Story” (1961), “The Wizard of Oz” (1939), “The Sound of Music” (1965), “Mary Poppins” (1964), “My Fair Lady” (1964), “The King and I” (1956) u tant oħrajn.

Imbagħad il-musicals qieshom sparixxew.  Imma meta joħroġ xi wieħed, dejjem jirnexxu, speċjalment magħna l-Maltin.  Min jista’ jinsa’ s-suċċess fenominali li kellu s-sena l-oħra “Beauty and the Beast”, tant li skont l-NSO marru jarawh mal-64,000 u spiċċa l-film tas-sena.

Din is-sena kellna xalata ta’ musicals li kollha marru tajjeb.  Bdejna s-sena b’“The Greatest Showman” li għamel ġimgħatejn l-aktar film popolari mal-Maltin.  Fl-aħħar ġimgħa ta’ Lulju ħareġ “Mamma Mia! Here We Go Again” fejn reġgħet spikkat il-mużika tal-ABBA.  Minkejja n-nuqqas li nħass ta’ Meryl Streep, il-film għamel seba’ ġimgħat fil-quċċata tal-box office lokali.  Patta xi ftit bil-preżenza ta’ Cher li kantat (flimkien ma’ Andy Garcia), il-kanzunetta ‘Fernando’.  Cher kellha tidher ukoll fl-ewwel film li rajna għaxar snin ilu imma dak in-nhar kienet irrifjutat il-parti.

Issa f’dawn l-aħħar ġimgħat kellna “Bohemian Rhapsody” li fakkarna fil-kobor ta’ Freddie Mercury u sħabu tal-grupp maġiku Queen.  Issa ilu erba’ ġimgħat fil-quċċata tal-popolarità magħna l-Maltin u probabbli jdum aktar fost il-films li jmorru jarawh l-aktar. Aqra aktar

Send this to a friend