infrastruttura – Page 3 – One News

Notifiki

Ħidma fi Triq il-Marsa

Infrastructure Malta qed ittemm it-tieni fażi tal-proġett tal-junction tal-Marsa, b’għadd ta’ xogħlijiet fi Triq il-Marsa, li tgħaqqad Ħal Qormi ma’ Triq Aldo Moro, il-Marsa.

It-tarf tan-naħa tan-nofsinhar ta’ Triq il-Marsa, hekk kif tingħaqad ma’ Triq Aldo Moro biswit iċ-Ċimiterju tat-Torok, ser tkun magħluqa bejn is-Sibt l-1 ta’ Settembru u l-Ħadd 16 ta’ Settembru. Waqt li t-triq tkun magħluqa, il-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta jkunu jistgħu itemmu b’mod sigur l-aħħar xogħlijiet tal-korsiji ġodda li nbnew fid-direzzjoni tal-Belt Valletta fi Triq Aldo Moro u tas-sistemi tad-distribuzzjoni tas-servizzi ġodda li tpoġġew taħthom. F’din il-ħidma, dawn il-korsiji ġodda u s-sistemi ta’ taħthom ser jingħaqdu mal-korsiji u s-servizzi ta’ Triq il-Marsa u ta’ Triq il-Gvern Lokali, li nbniet mill-ġdid bħala parti minn dan il-proġett ukoll.Aqra aktar

Ħruġ aktar sigur minn Ta’ Qali għal Ta’ Srina

Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid tat-triq fl-inħawi tal-Ħemsija, li se sservi bħala ħruġ iktar sigur għas-sewwieqa li jkunu qed jivvjaġġaw minn Ta’ Qali lejn Ta’ Srina, bejn ir-Rabat u Ħ’Attard.

Din it-triq, b’aċċess f’direzzjoni, waħda se tintuża bħala l-ħruġ mill-inħawi tal-villaġġ tas-snajja ta’ Ta’ Qali lejn Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat, u fid-direzzjoni tat-tramuntana tal-pajjiż. B’hekk qed jispiċċa l-bżonn tas-sistema tas-sinjali tat-traffiku bid-dwal li hemm fin-naħa ta’ fuq ta’ Triq l-Imdina, ftit metri bogħod mir-roundabout Ta’ Srina.Aqra aktar

Ara: Magħluqa temporanjament iż-żona tal-Balluta

Parti żgħira mill-promenade ta’ San Ġiljan, propju faċċata tal-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu biswit il-Balluta, ingħalqet bħala miżura ta’ prekawzjoni wara li Infrastructure Malta nnutat periklu f’din l-istruttura li tagħti għal fuq il-baħar.Aqra aktar

ARA: Ix-xogħol fuq taċ-Ċawsli miexi ġmielu!

B’investiment ta’ €4Miljun, beda x-xogħol biex tinbena mill-ġdid it-Triq taċ-Ċawsli.

It-triq, li fiha hemm għadd ta’ siġar taċ-Ċawsli storiċi li jagħtuha isimha, inbniet lura fis-snin tmenin, iżda għal snin twal tħalliet mingħajr manutenzjoni, tant li llum-il ġurnata tinsab fi stat ħażin ħafna.

Taħt is-superviżjoni ta’ Infrastructure Malta, l-aġenzija li twaqqfet ftit tax-xhur ilu, ix-xogħlijiet se jagħtu dehra kompletament ġdida lit-triq.Aqra aktar

Infrastruttura adekwata u sostenibbli

L-infrastruttura ta’ pajjiż kulħadd imiss magħha, b’mod speċjali dak relatat mal-bini, servizzi u aċċessibilità. Ilkoll nafu li pajjiżna avvanza tul is-snin, iżda irridu nammettu li l-investiment infrastrutturali qatt ma żamm mal-pass ta’ dan il-progress. Proġetti relatati mat-toroq, servizzi tal-elettriku, tal-ilma u dawk sanitarji dejjem tħallew jaqgħu lura meta kkumparat mal-investimenti oħra li gawda minnhom pajjiżna.

 

Il-fatt li dawn tħallew għal riħhom għal diversi snin ma jfissirx li nistgħu naqbu u nibdlu kollox ta’ taħt fuq mingħajr ma nħarsu lejn il-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu. Mandanakollu, lanqas m’għandna inħallu dan it-tip ta’ raġunar iwaqqafna milli nagħmlu l-investimenti importanti li hemm bżonn. Pajjiżna jixraqlu infrastruttura denja u moderna, kemm bħala attrazzjoni għall-investituri kif ukoll għalina li nagħmlu użu minnha ta’ kuljum.

 

Ilkoll ingergru bit-traffiku, ilkoll ingergru bil-kwalità tal-ilma fil-vit, ilkoll ingergru fuq bankini imkissra…u sewwa nagħmlu – diment li din il-kritika tkun ġustifikata! Fl-istess waqt, xejn ma jsir permezz ta’ daqqa ta’ bakketta maġika. Huwa propju hawn fejn nibqa’ mistgħageb b’ċertu argumenti li jitqajjmu, fejn inħoss li ħafna drabi dawn jintqalu għall-konvenjenza. Hemm esponenti li verament huma ġenwini f’dak li jemmnu u jgħidu, iżda hemm oħrajn li jippreferu jesaġeraw is-sitwazzjoni sabiex jidhru bħala paladini. Ma nistax nifhem kif qed nopponu ċertu nvestiment infrastrutturali meta huwa ċarissimu li dan huwa neċessarju li għandu jseħh għall-ġid ta’ pajjiżna kemm fil-preżent kif ukoll għall-futur.

 

Naqbel li għandu jkun hemm konsultazzjoni u kritika kostruttiva mmirata sabiex proġetti infrastrutturali jinkorporaw skop iktar wiesa’ sabiex l-iżvilupp ikun sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri. Iżda ejja ma nkunux drammatiċi iżżejjed fl-argumenti li inqajmu. Flimkien irridu niżguraw li l-infrastruttura li ilha ġejja minn żmien l-Ingliżi nimmodernizzawha sabiex pajjiżna jkun kapaċi jilqà l-isfidi li għandu quddiemu.

 

Naqbel li l-investiment m’għandux isir għad-detriment ta’ xi ħaga oħra, bħall-ambjent jew spazji miftuħa. Pero rridu nżommu kollox fil-kuntest ta’ pajjiżna. Jekk qed jitneħhew siġar mit-toroq sabiex dawn is-servizzi jkunu aktar effiċjenti u siguri, ma jfissirx li qed neqirdu l-ambjent. Diment li proġetti infrastrutturali jġorru magħhom responsabbiltà ta’ kumpens ambjentali fil-pajjiż, ma nara xejn ħażin b’dan il-bilanċ. Apparti minn hekk, l-ambjent m’huwiex biss is-siġar tat-triq. Riċentament rajna l-investiment importanti mill-Water Serviċes Corporation imlaqqam ‘New Water’ – ilma ttrattat li jista’ jintuża għal skopijiet agrikoli biex, fost affarijiet oħra jonqos l-impatt fuq il-water-table.

 

Id-diskussjoni ambjentali għandha tkun ferm aktar wiesa’ minn sempliċi argument dwar siġra f’nofs ta’ triq. Inħoss li hemm bżonn għarfien ikbar dwar il-konservazzjoni u riċiklar tal-ilma, waste-management, konservazzjoni tal-ambjent, żoni rikreazzjonali kif ukoll il-bżonn ta’ spazji miftuħa fiċ-ċentri tal-lokalitajiet tagħna. Irridu nħarsu lejn il-master plans tal-lokalitajiet u reġjuni sabiex niżguraw sostenibbiltà fil-kwalità tal-ħajja, kif ukoll nħarsu l-irħula viċin żoni industrijali sabiex ir-residenti jkollhom għixien diċenti. Irridu nitgħallmu nivvalorizzaw iktar dak li għandna u nibdew nieħdu deċiżjonijiet li jħarsu fit-tul, aktar milli quick-fixes li ma joffrux sostenibbiltà.

Ix-Xogħol fuq il-Bypass tal-Mellieħa wasal fl-aħħar

Ix-Xogħol fuq il-Bypass il-ġdid tal-Mellieħa wasal fl-aħħar, u skont kif pjanat mill-Gvern, se jkun lest fi żmien xahrejn.

 

Dan qalu il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg fuq Facebook, fejn spjega li  l-pedamenti ġodda tat-triq, central strip ġdida, u l-ewwel saffi ta’ asfalt tlestew.

Fl-aħħar jiem sar ukoll xogħol ta’ tiswijiet u kisi mill-ġdid ta’ partijiet sostanzjali mir-rotta bejn ix-Xemxija u l-Mellieħa. Fost oħrajn, inbena mill-ġdid parti mill-pont tal-Mistra u ingħata wiċċ ħdid lit-Telgħa ta’ Selmun.

Il-Ministru Borg ikkonferma wkoll li llum se jkun qed jitqiegħed l-aħħar saff ta’ asfalt tat-triq u tas-cycle lane.

 

 

 

 

Il-Ministru Ian Borg jattendi l-kunsill tat-Trasport fil-Lussemburgu – diversi proposti diskussi

Waqt il-Kunsill tat-Trasport li ttella’ fil-Lussemburgu fis-7 ta’ Ġunju taħt il-Presidenza Bulgara, numru kbir ta’ proposti leġislattivi ġew diskussi mill-Ministri għat-Trasport. Filwaqt li fir-rigward ta’ uħud minn dawn il-proposti ntlaħaq ftehim suffiċjenti biex wassal għal adozzjoni ta’ approċċ ġenerali, oħrajn se jirrikjedu aktar diskussjonijiet fi gruppi ta’ ħidma, u fil-każ ta’ dawn, il-Ministri ngħataw rapport tal-progress.

Aqra aktar

Send this to a friend