hugo – One News

Notifiki

“Aqbdu, aqbdu!”- Hugo wara li qala’ d-daqqiet ta’ sikkina

F’awla numru tlieta kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-qtil ta’ l-impreditur Hugo Chetcuti f’Lulju li għadda.

Fil-preżenza ta’ Bojan Cmelik – is-Serb mixli bil-qtil tal-imprenditur, li kien imdawwar minn bosta uffiċjali mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, xehdu bosta tobba li spjegaw l- kumplikazzjonijiet li għadda minnhom is-Sur Chetcuti kemm dam l-isptar qabel miet fit-12 ta’ Lulju li għadda.

L-ewwel li tela’ fuq il-pedina tax-xhieda kien il-kirurgu u konsulent fid-Dipartiment tal-Emerġenza Dr Jonathan Joslin, li qal li vittma wasal l-Emerġenza sitt minuti qabel il-ħdax ta’ filgħaxija, u sa għoxrin minuta wara kien fit-teatru tal-operazzjonijiet.

Qal li d-deċiżjoni li jiġi operat ittieħdet f’kuntest li Chetcuti sofra minn emoraġija interna, qalbu bdiet tgħaġġel, u tbaxxitlu l-pressjoni. Huwa ppreżenta wkoll erba’ ritratti tal-feriti li ġarrab Chetcuti fil-lejl tas-6 ta’ Lulju qabel ġie operat.

F’dak il-ħin, il-vittma ġie ċċertifikat li jinsab f’qagħda kritika.Aqra aktar

Aġġornat: Tkompli tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra s-Serb akkużat bil-qtil ta’ Hugo Chetcuti

F’Awla numru tlieta kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-qtil ta’ Hugo Chetcuti.

Fil-preżenza ta’ Bojan Cmelik, is-Serb akkużat bil-qtil tal-imprenditur, li kien imdawwar minn bosta uffiċjali mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, xehdu t-tobba u kirurgi li ħadu ħsieb lil Chetcuti fl-Isptar Mater Dei, flimkien ma’ uffiċjali tal-Pulizija li kienu preżenti l-isptar u għenu fit-tfittxija tas-suspettat fil-lejl li seħħ l-attakk.Aqra aktar

BIL-FILMAT: “Għaliex għamilli hekk? Lanqas biss nafu!”

Bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Bojan Cmelik – is-Serb ta’ ħamsa u tletin sena li jinsab mixli bil-qtil tal-imprenditur Hugo Chetcuti.

Cmelik reġa’ ttieħed il-Qorti taħt għassa kbira biex tibda l-kumpilazzjoni tal-provi kontrih b’rabta mal-qtil tas-Sur Chetcuti li l-Ħamis tal-ġimgħa l-oħra tilef il-battalja mal-mewt wara sitt ijiem jissielet għall-ħajtu fl-Isptar Mater Dei.

Fil-bidu tas-seduta, il-Maġistrat Marsanne Farrugia, laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni biex tinbidel l-akkuża minn attentat ta’ qtil għal omiċidju.

Fis-seduta spikkat ix-xhieda ta’ Isaac Chetcuti, ħu Hugo Chetcuti b’rakkont dettaljat ta’ dak li ra quddiem għajnejgħ fil-ħin tal-aggressjoni.

L-akkużat, li kien liebes bulletproof vest, ma qalax għajnejh mill-art hekk kif sema x-xhieda ta’ Chetcuti. Qal li flimkien ma’ ħutu u persuni qrib ta’ Hugo, kien mistieden għall-ftuħ ta’ restorant ġdid. Qal li l-ewwel darba li lemaħ lill-aggressur kien meta flimkien ma’ Hugo ħareġ mir-restorant u semgħu jgħajjatlu b’ismu. Qal li x’ħin ra lis-Serb sejjer jieħu b’idejn Hugo, m’għaddilux minn moħħu li seta’ mar biex jattakkah.
Madankollu qal li ma damx ma ntebaħ li kien hemm xi ħaġa ħażina meta ra lill-akkużat jaqbad lil Hugo minn rasu, iressaq idejh lejn l-istonku u lil ħuh jaqa’ mal-art. Qal li hawn telaq jiġri wara s-Serb li ħarab minn fuq post, iżda dar lura biex jagħti l-għajnuna lil ħuh.

Spjega li l-uffiċjal tas-sigurtà ta’ Hugo, ma kienx miegħu għax mar jeskorta lil oħthom lejn ħanut ieħor. Spjega li sakemm rritorna ħdejn ħuh laħaq informa lis-servizzi tal-Emerġenza u kif wasal lura għarrfuh li l-vittma ttieħed l-isptar b’taxi.
Huwa qal li l-ewwel darba li kellem lil Hugo wara l-aggressjoni kien is-Sibt fejn stqarr miegħu li ma kienx jaf għalfejn għamillu hekk u li ma kienx jaf min hu.

Mistoqsi mill-prosekuzzjoni jekk reġax kellem lil ħuh, stqarr li  kellmu l-għada l-Ħadd u qallu li kien muġugħ ħafna u li beda jħossu se jmut.

Matul is-seduta xehdu wkoll bosta uffiċjali tal-pulizija li kienu involuti fl-arrest tas-Serb.

Is-Surġenti Sean Axiaq u Ivan Attard, it-tnejn stazzjonati fl-Għassa ta’ San Ġiljan, xehdu li raw lill-aggressur iqum minn ġo folla li kienet qed tagħmel BBQ fuq il-blat u jitlaq jiġri mal-kosta ta’ Tas-Sliema.

Żiedu li aktar tard ġew mgħarrfa li r-raġel ġie arrestat fi Triq Santa Liena f’Tas Sliema. Qalu li sabu lil aggressur f’taqbida mal-uffiċjali tal-RIU u minn tfittxija nstabet sikkina ma’ qaddu.

Dan ikkonfermawh żewġt kuntistabbli tar-Rapid Intervention Unit Glenn Vella u Joseph Camilleri li wettqu l-arrest fi Triq Santa Liena. Żiedu jgħidu li l-aggressur beda jinjora l-istruzzjonjiet.

Spjegaw li raw lil Bojan miexi lejhom b’pass mgħaġġel u jipprova joħroġ l-arma li ntużat fid-delitt. Qalu li kienu kostretti jisparaw it-taser għal darbtejn biex jikkontrollawh.

Huma qalu li l-akkużat qala’ l-probes tat-taser u beda jagħtihom bil-ponn sakemm arrestawh, u eskortawh lejn l-Għassa ta’ San Ġiljan.
Is-Surġent Axiaq xehed ukoll li l-għada tal-inċident, kellem lil James Farrugia, l-uffiċjal tas-sigurta ta’ Hugo li fost dettalji oħra qallu li kien hu li ħadu lejn l-emerġenza permezz ta’ taxi. Axiaq żied li l-investigazzjonijiet wassluh biex ikellem lil Adam Milic, ħu l-akkużat li stqarr li kien ilu ma jkellem lil Bojan għal sitt xhur minħabba li beda jsiru persuna aggressiva.

Preżenti fl-awla kien hemm ir-raġel ta’ Cheryl, oħt Hugo li minkejja li ma tax ix-xhieda tiegħu, segwa bir-reqqa dak li kien qed jintqal. Fl-aħħar tas-smiegħ, b’ton ta’ rabja, ħares lejn l-akkużat u b’leħen għoli qallu “Thankyou Bojan … Thankyou Bojan”

Għall-akkużat deher l-avukat Ishmael Pace filwaqt li għall-familja Chetcuti deher parte civilve l-avukat Joseph Giglio.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi tal-Għassa ta’ San Ġiljan, Trevor Micallef u Nikolai Sant

Bojan Cmelik inżamm arrestat fil-Faċilita Korretiva ta’ Kordin, bil-kumpilazzjoni mistennija tkompli fit-31 ta’ Lulju.

 

 

Send this to a friend