ghaxar snin – One News

Malta ħafna aħjar minn ta’ għaxar snin ilu – il-PM

Fl-isfond li fuq il-midja soċjali għaddejja dik imsejħa ‘10 year challenge’, fiż-Żurrieq il-Prim Ministru Dr. Joseph Muscat tkellem dwar kif għaxar snin ilu l-kwistjoni prinċipali għall-poplu kienet il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Illum il-ġurnata l-poplu għandu rasu mistrieħa.

Quddiem folla mdaqqsa l-Prim Ministru semma kif 10 snin ilu l-ekonomija Maltija kienet staġnata u llum pajjiżna għandu ambjent ekonomiku b’saħħtu.

Hawn irrefera għal rapport tal-Forum Ekonomiku Dinji li għaxar snin ilu kien ikklassifika l-pajjiżna bħala l-71 pajjiż fid-dinja li għandu ambjent ekonomiku b’saħħtu.

“Illum mhux ninsabu l-aqwa fl-Ewropa imma saħansitra l-aqwa fid-dinja”, saħaq Dr. Muscat.
Semma kif għaxar snin ilu kullħadd kien jitbekka għax-xogħol, illum ġustament il-ħaddiema qed jitolbu kwalità ta’ xogħol aħjar għaliex in-narattiva tal-poplu nbidlet frott tal-bidla li nġabet minn dan il-Gvern.

“Għaxar snin ilu ma konniex nafu x’inhu surplus, konna nafu biss x’inhu defiċit”, qal il-Prim Ministru li żied jgħid, “Irridu ntellgħu ġenerazzjoni ta’ nies li defiċit ma jkunux jafu xi jfisser.”

Il-Prim Ministru saħaq li qabel min kien juża s-servizz taċ-childcare kien meqjus bħala sinjur.

“Illum kullħadd juża s-servizz taċ-childcare b’xejn”, qal il-Prim Ministru fost iċ-ċapċip ta’ dawk preżenti.

Bl-aġenda riformista ta’ dan il-Gvern semma wkoll kif inbidel għall-aħjar is-settur edukattiv u qal kif għaxar snin ilu ma kienx hawn trasport b’xejn għall-iskejjel u l-prezzijiet tal-uniformijiet kienu kkaratterizzati minn suq salvaġġ filwaqt li llum għandek prezz regolat għall-uniformijiet tat-tfal tal-iskola.

Il-Prim Ministru semma wkoll il-pensjonanti li kienu meqjusa foqra għaxar snin ilu u llum qed jirċievu żieda wara l-oħra.

B’rabta mal-pensjonanti semma s-settur tas-saħħa u qal kif għaxar snin ilu kien hemm l-mediċini ‘out of stock’ u llum din il-problema spiċċat.

Frott il-bidla li ġab dan il-Gvern, il-Prim Ministru spjega kif għaxar snin ilu, anki l-faqar kien qed jgħolli rasu u llum dan ġie indirizzat u naqas ferm.

Hawnhekk b’ton umli l-Prim Ministru qal li l-Gvern xorta huwa saqajh mal-art u quddiem din il-bidla pożittiva jagħraf li hawn min għandu sfidi u jrid ikun il-Gvern li jwieżen.

Il-Prim Ministru semma wkoll l-infrastruttura tal-pajjiż.

“Nistgħu nieħdu ritratt għat-10 year challenge tal-infrastruttura tal-pajjiż. Illum pajjiżna qed jinbidel u għas-snin li ġejjin se nkomplu nsaħħu l-infrastruttura tal-pajjiż”, qal Dr. Joseph Muscat.

Semma wkoll it-turiżmu u qal kif għaxar snin ilu, iż-żieda fin-numru tat-turisti li żidnih din is-sena kien jiżdied f’sitta jew seba’ snin.

Il-Prim Ministru qal li għal din is-sena se nkunu qed nilħqu l-mira ta’ tliet miljun turist fis-sena.

Għaxar snin mill-mewt tat-tabib u d-Deputat Karl Chircop     

Kien il-Ħadd 12 ta’ Ottubru 2008 waranofsinhar, meta ħarġet l-aħbar li it-tabib u l-eks Deputat Laburista Karl Chircop, tilef il-battalja kontra l-mewt.

Karl Chircop miet fi sptar f’Londra, wara li fit-3 ta’ Awissu 2008 kien sofra minn stroke, bil-konsegwenza li sofra minn emorraġija fil-moħħ. Mill-Isptar Mater Dei, kien ittieħed fin-National Hospital of Neurology and Neurosurgery f’Londra, fejn b’kollox għamel għaxar ġimgħat f’koma.Aqra aktar

Għaxar snin mit-traġedja tas-Simshar: It-traġedja li ħasdet pajjiż

Għaxar snin mit-traġedja tas-Simshar…fejn tilfu ħajjiethom 4 vittmi tal-baħar- Noel Carabott, Karmnu Bugeja, Abdulrahman Abdala Gedi kif ukoll iċ-ċkejken Theo Bugeja.

Kien il-Gimgħa 11 ta’ Lulju 2008 meta wara erbat ijiem fuq il-baħar is-sajda kienet lesta u għalhekk, il-lanca tas-Simshar kienet fi triqtha lejn Marsaxlokk.

Mill-intervista li kien ta fuq Xarabank, Simon Bugeja- l-unika vittma li salva minn din it-traġedja qal li kien innota duħħan ġej mill-magna fejn ftit tal-minuti wara l-kabina ħadet in-nar lhiema nar infirex u l-fjammi kienu għoljin madwar tlett sulari.  Kawża ta’ dan in-nar li ħakem lid-dgħajsa kollha mill-poppa sal-pruwa, l-istrumenti li bihom Simon Bugeja seta’ jikkomunika mal-awtoritajiet Maltin inħarqu.. u għalhekk dawn il-ħames vittmi sfaw bejn sema u ilma.- waħedhom- fil-qilla tax-xemx u l-kesħa tal-lejl mingħajr ikel u xorb.

S-Sur Bugeja kien qal li fil-lanċa tas-Simshar seħħet spluzjoni li remiet lill-5 sajjieda fil-baħar.  Minnufih huma bdew jigbru l-flixken u l-floaters biex minnhom jibnu ċatra.

Minkejja li ftit minuti wara li seħħet l-isplużjonigħaddiet minn ħdejhom skuna Taljana din baqgħat sejra u ħalliethom f’nofs ta’ baħar.

Tlett ijiem mit-traġedja tas-Simshar, Abdulrahman Abdala Gedi kien l-ewwel vittma tal-baħar dan hekk kif tilef ħajtu fl-eta’ ta’ 21 sena.

Jumejn wara l-mewt ta’ Abdul, kien imiss lil Noel Carabot t- li minħabba li ma ssaportiex aktar l-għatx, mela flixkun bl-ilma baħar u xorob nofsu- bil konsegwenza li dan għamillu d-deni. Għal xi raġuni Noel Carabott spiċċa fil-baħar imma ma rnexxielux jiġi lura ħdejn sħabu minħabba l-qawwa tal-kurrent li beda jġib miegħu il-mewġ.

Bejn sema u ilma Karmnu Bugeja – missier Simon beda jħoss li saħtu sejra lura u eventwalment tilef ħajtu.

Ma’ kull jum li beda jgħaddi, it-tama bdiet tisfaxxa fix-xejn… is-seba lejl fil-baħar kien l-aħħar lejl tal-missier Simon Bugeja u ibnu Theo.  S-Sur Bugeja rrakonta kif tilef l-ibnu f’idejh stess.  Bix-xokk li ħa, huwa intilef minn sensih- bil-konsegwenza li l-baħar ħakem il-ġisem ta’ Theo.

Sebat ijiem u sitt siegħat fil-baħar, Simon Bugeja lemaħlanċa tal-baħar- kważi mejjet bil-maġġorparti tal-organi ta’ ġsimu ma kienux qed jaħdmu sew huwa rnexxielu jgħolli ftit subgħajh biex jagħmillhom sinjal u salva.

Simon Bugeja baqa jsostni li huwa baqa’ ħaj bil-għajnuna tal-Madonna kif ukoll għaliex kellu miegħu lil ibnu Theo- li għalih huwa l-anġlu tal-baħar.