Droga | One News - Part 12

Notifiki

3 snin ħabs wara li serqet minn 10 t’iħwienet

Elaine Rapinett ta’ 34 sena kienet akkużata b’serqiet bejn id-19 u t-30 ta’ Jannar li għadda minn disat iħwienet differenti f’sitt lokalitajiet. Hi ġiet ikkundannata tliet snin ħabs wara li ammettiet l-akkużi miġjuba kontrieha.

Rapinett inqabdet permezz ta’ kameras tac-CCTV u li ġew iċċirkolati fuq il-mezzi tal-midja soċjali.

Is-serq seħħ minn spiżerija f’Ħal Balzan, minn ħanut tal-kompjuters fiż-Żejtun, u minn ħwienet tal-ħwejjeġ u supermarket f’Tas-Sliema, minn ħanut tal-apparat elettroniku fil-Belt u minn ħanut tal-kompjuters f’Ħal Qormi, kif ukoll minn ħanut tal-aċċessorji f’ Ta’ Xbiex.

L-għada taż-żewġ serqiet minn Tas-Sliema, reġgħet marret tisraq minn ħanut tal-ħwejjeġ f’Tas-Sliema, filwaqt li jumejn wara serqet minn ħanut tal-apparat elettroniku fil-Belt. L-għada tas-serqa mill-Belt wettqet tliet serqiet oħra minn ħanut tal-kompjuters f’Ħal Qormi, minn ħanut tal-aċċessorji f’Ta’ Xbiex u minn superkamarket f’Tas-Sliema.

Il-Maġistrat Doreen Clarke, ikkunsidrat li l-mara kkoperat mal-Pulizija u ammettiet mill-ewwel. Il-Qorti talbet ukoll biex il-Faċilità korettiva ta’ Kordin tgħin lill-mara tegħleb il-vizzju tad-droga.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Anzjan Johan Fenech u l-Ispettur Jonathan Rensley.

Aqra wkoll: http://www.one.com.mt/news/2018/01/30/jinqabdu-ftit-wara-li-ppruvaw-jisirqu-minn-hanut-fbirkirkara/

Minn sentenza sospiża għal tmien snin ħabs

Żgħażugħ ta’ erba’ u għoxrin sena mill-Imtarfa, ra s-sentenza oriġinali tiegħu tinbidel minn sentenza sospiża għal tmien snin ħabs. Dan wara appell minn naħa tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li ra li s-sentenza ma kienitx turi l-gravità ta’ dak li wettaq iż-żgħażugħ.

Jacob Rakban, f’Lulju tal-elfejn u sittax wieġeb ħati li f’sitt okkażjonijiet, seraq għadd ta’ ġiżirajjen mingħand nisa anzjani ta’ etajiet bejn ħamsa u ħamsin, u tlieta u tmenin sena. Il-każijiet seħħew kollha fil-Mosta u n-Naxxar.

Fil-Qorti ntqal kif iż-żgħażugħ, eks-plejer ta’ taħt id-dsatax-il sena ta’ Ħamrun, huwa vvizjat bid-droga.

Il-Maġistrat Edwina Grima, li ddeċidiet l-appell, qalet li uwa evidenti li s-sentenza oriġinali mhijiex mistħoqqa, la għall-akkużat, u wisq anqas għall-vittmi, li waħda minnhom saħansitra spiċċat l-Isptar għall-kura.

Jinżamm arrestat wara li seraq

Taljan ta’ disa’ u għoxrin sena, tressaq il-qorti fuq akkużi li seraq ‘il fuq min mitejn u tletin ewro bejn nhar it-Tlieta u l-Ħamis, bl-akkużat ġie mixli li għamel ħsara fuq propjetà ta’ ħaddieħor u li kien fil-pussess t’affarijiet misruqa.

Antonio Moscato kien akkużat li seraq xi ħadid u sarfu fi scrapyard u kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet mill-ħelsien mill-arrest. Huwa wieġeb li mhux ħati u talab għall-ħelsien mill-arresst, talba li ma ġietx aċċettata mill-Qorti.

Finalment, il-Qorti qalet li r-raġel għandu jibqa’ arrestat u jibda l-programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga.

Seraq basktijiet ta’ żewġ anzjani minħabba problema tad-droga

Quddiem il-Maġistrat Monica Vella, raġel ta’ 32 sena residenti l-Belt ġie kkundannat għal 18-il xahar ħabs wara li ammetta li seraq basktijiet lil żewġ nisa fil-Belt stess u fil-Ħamrun. Il-każijiet seħħew fil-11 u fit-12 ta’ Jannar.

Id-difiża talbet biex ir-raġel jingħata l-għajnuna minħabba problema fid-droga. Minħabba li kellu diġà sentenza sospiża, ir-raġel se jiskonta sentenza ta’ 12-il xahar habs.

AĠĠORNAT: Il-Pulizija b’qabda ta’ 30 kilo droga u €42,000 fil-Ħamrun

Il-Pulizija arrestat tliet irġiel, tnejn Maltin u Taljan wara qabda kbira ta’ droga fil-Ħamrun.

L-iskwadra ta’ kontra d-droga rnexxielha tikkonfiska tletin kilo droga kannabis u aktar minn tnejn u erbgħin elf ewro fi flus minn kumpless ta’ garaxxijiet fil-Ħamrun.

Kien għall-ħabta tal-erbgħa ta’ wara nofsinhar, meta għadd ta’ vetturi tal-Pulizija mblukkaw Triq San Vinċenz miż-żewġ naħat, waqt li għamlu rejd fuq garaxx fl-istess triq.

F’din l-operazzjoni ġew arrestati tliet irġiel, wieħed minnhom ta’ erba’ u erbgħin sena, magħruf diġà mal-Pulizija, tant li s-sena li għaddiet ġie akkużat li daħħal ammont kbir ta’ droga f’pajjiżna minn fuq il-baħar.

Id-droga nstabet moħbija f’karozza tat-tip Fiat Cubo bi pjanċi barranin u vettura oħra tat-tip BMW li ġew issekwestrati mill-pulizija.

Tul l-operazzjoni, il-Pulizija dehru ħerġin mill-garaxxijiet iġorru żewġt ixkejjer bid-droga kannabis. Iktar tard ħarġu l-flus ippakkjati f’kaxxi.

Minn informazzjoni li kiseb ONE News, il-pulizija kienet ilha ssegwi lill-irġiel mill-qrib għal bosta jiem.

Il-qabda waslet wara ħidma konġunta bejn l-iskwadra ta’ kontra d-droga, ir-Rapid Intervention Unit, id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, u t-Taqsima tal-Klieb.

L-irġiel mistennija jitressqu l-qorti fil-jiem li ġejjin.

Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa.

(Ritratt ta’ fuq: mill-arkivji)

Aqra aktar

Sejba ta’ droga fil-Ħamrun

Il-Pulizija għamlu sejba ta’ ammont sostanzjali ta’ droga fil-Ħamrun.

Fi tweet il-Ministru tal-Intern u Sigurtà Nazzjonali rringrazzja lill-membri tal-Korp tal-Pulizija għal storja oħra ta’ suċċess.

 

Aktar dettalji dalwaqt.

Inqabad ibiegħ id-droga biex jixtri mediċina għat-tfal

Otis Cassar ta’ 45 sena inqabad ibiegħ id-droga f’Birkirkara fi Frar 2012. Hu kien ikkundannat 16-il xahar ħabs wara li l-Qorti semgħet li kien qed jaffċċja problemi tant li s-sieħba tiegħu qalet li kellhom jixtru l-mediċini għaż-żewġ itfal tagħhom li kienu fl-isptar. Cassar kien inqabad wara li tfajla nqabdet bl-ecstasy fi triqtha lejn il-karnival t’Għawdex u qalet li kienet xtratha mingħandu.

Il-Pulizija kienu waqqfu lil Cassar li rawh jarmi borża, li fiha nstabu 50 pillola ecstasy. Instabitlu wkoll raża tal-kannabis fil-karozza kif ukoll diversi sim cards. Wara tfittxija fid-dar tiegħu nstabu ‘l fuq minn 200 pillola oħra.

Aqra aktar

Min hu l-addict? U x’għandu jagħmel?

Isir il-ħin fil-ġurnata u ħafna jkunu għadhom għaddejjin itektku fuq il-mobile tagħhom avolja jkunu ħalfu li jieqfu u jaraw film minflok, jew inkella jkunu daħħluha ma’ wahda mir-riżoluzzjonijiet tagħhom; li jnaqqsu mill-użu tal-mobile matul il-jum. Taf li qed teħxien u ma tieqafx tiekol jew anqas tilħaq tara ċikkulata li ma tkunx trid titħanha jew xi tip ta’ ħelu ieħor. Taf li d-droga ħażina u li qed tkissrek u tibqa’ tieħu minnha; izjed minn hekk, tibqa’ tara kif se tagħmel biex iġġib il-flus biex tieħu d-droga għax mingħajrha ma toqgħodx…din tissejjah addiction.

 

Tajjeb li wieħed jagħmel distinzjoni bejn vizzju u addiction. Vizzju hu xi ħaġa li tidra tagħmel u li jidħol fir-rutina tiegħek b’mod repetut u tispiċċa tagħmlu b’mod awtomatiku. Addiction hija xi ħaġa li ma tgħaddix mingħajrha għax tidħol fis-sistema tiegħek bħala bniedem u tikkalzrak b’tali mod li kapaċi tkun b’konsegwenzi serji. Ġeneralment jissejjaħ addict dak li jieħu d-droga, imma dan mhux gust. L-addict huwa dak li jieħu ċikkulata bla waqfien avolja jaf li qed tagħmillu hsara jew ikel, tista’ tkun addict għax-xorb, għax-xogħol, għas-sess, għas-serq, għal-logħob, għax-xiri…u bosta oħrajn li hemm uhud minnhom lanqas wieħed jimmagina.

 

Teżisti ukoll dik li tissejjaħ cross addiction u din isseħħ meta per eżempju bniedem jieqaf minn forma ta’ addiction u jizvijjaha f’oħra, ngħidu ahna mix-xorb idur għal-logħob, mid-droga għall-ikel u forom oħra. Kapaci tkun perikoluza ghax mohhok jahseb li tkun qtajt mix-xorb imma l-problema tkun għadha hemm għax inti sempliċiment tkun biddilt is-suġġett tal-addiction tiegħek; issa għandek il-logħob flok ix-xorb. Ovvjament, l-eċċessiv f’kollox jitqies li mhux tajjeb, allura wieħed irid isib bilanċ li xejn mhu faċli li tagħmel hekk. Iktar kapaċi ngħiduha bil-fomm milli nwettquha.

 

Huwa tajjeb li l-addict ikollu ħin kalm speċjalment jekk ikollu ġranet stressanti fuq ix-xogħol, tajjeb li jitkellem u jikxef il-ħsibijiet ta’ moħħu ħalli ma jerġax imur għall-addiction primarja tiegħu, tajjeb li jammetti li anke jkun qed jinnamra mal-ħsieb tal-addiction passata tiegħu billi jitilgħulu xi memorji…b’hekk biss iżomm lilu nnifsu fi stat li jkun jaf ir-realta’ tiegħu u jitgħallem jaċċettaha. Titqies bħala marda imma mhux kulħadd jaqbel dwar dan. Dan huwa suġġett kontroversjali li ħafna jibżgħu jiddiskutu. Studjuzi anke fl-Universita’ ta’ Minesota fl-Amerka jikkonfermaw li din hija marda. Mingħajr ma wieħed jallarma ruħu, mhux għax tiekol erba’ ċikkulati, ikun ifisser li inti addict…addict huwa dak li jibda u ma jieqafx u li jaf li darba huwa ħafna u l-ħafna mhux biżżejjed, għax ikollu kemm ikollu ma jabbasta ruħu qatt bil-konsegwenzi li jsegwu, ikunu koroh. Tajjeb ukoll li wieħed isemmi, li għalkemm l-OCD (Obsessive Compulsive Disorder- segwi izjed dwar l-OCD f’din il- link: http://www.one.com.mt/news/?s=ocd) mhix xi ħaga allarmanti żżejjed, meta mwaħħda mal-addiction, din ma tgħin xejn anzi taċċellera l-problema. Għal aktar informazzjoni tkellem mat-tabib tiegħek li jista’ jiggwidak aħjar kif titratta l-addiction. Tibqax passiv u informa ruħek għax bi ftit sforz, tħossok aħjar.

Jista’ jkun li qed jieħdu d-droga…

Jista’ jkun u mhux bilfors biex wieħed ma jallarmax ruħu imma huwa tajjeb li lilkom il-pubbliku titwasslilkom idea ċara tad-droga li hija l-iżjed popolari bħalissa fil-konsum tagħha. L-iskop hu wieħed ta’ ġid ħalli jekk taf b’xi ħadd li għaddej minn dan is-saram tgħinnu u mhux tħallieh jitkisser.

 

Dawn huma ftit punti li huma relatata mad-droga magħrufa bħala ‘crack’ bl-Ingliż jew kif inhi magħrufa f’pajjiżna; ‘il-Pipa’. Mhix il-pipa li jpejpu l-anzjani, xejn affattu. Huwa flixkun tal-plastik, x’aktarx tal-ilma jew anke ta’ xi minerali li jkun nofsu mimli bl-ilma. Tgħaraf li persuna qed tabbuża mid-droga permezz tal-pipa għax ikollu toqba lejn l-għonq u straw li tista’ titneħħa jekk ma tkunx qed tiġi użata fil-mument. Tinduna li dan qed jintuża għad-droga għax ikun imsewwed lejn in-naħa ta’ fuq u r-riħa li joħloq ma tantx tkun pjaċevoli. Fuq abbli tara ‘foil’ u rmied tas-sigaretti. Biex dak li jkun ma jħallix suspett, kapaċi jneħħi l-foil u l-irmied u jħalli l-flixkun bla tapp. Abbli tara wkoll lakstuwa li tintuża biex tissokka l-foil mal-għonq tal-flixkun.

 

Sorsi lil One News qalu wkoll li ħafna mill-persuni li jkunu qed jagħmlu użu minn dan il-flixkun, kapaċi jaħbuh wara t-toilet, fil-gwardarobbi, fil-garaxxijiet, fil-kmamar tal-bjut u anke f’xi cupboards. Il-bniedem jista’ juri suspett għax filli jkun persuna li tħobb toħroġ u filli tinġabar dejjem ġewwa bl-iskuża li qed tara xi film jew serje’ u tipprova ma tiġbidx attenzjoni fuqha. Popolari wkoll li nies li jużaw jitolbu spiss €50 għaliex il-pipa tiswa daqshekk.

 

Il-persuna kapaċi wkoll ikollha livell ta’ paranoia u tagħmel mossi b’għajnejha u turi li hi maħkuma minn biża’.

 

Ovvjament din l-informazzjoni kollha biex wiehed jaghmel kuragg, iqum u jibda t-triq tal-ħelsien minn dan id-dwejjaq. Tkellimna mal-Kap Ezekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti fejn wera tħassib li d-drogi sintetiċi fosthom il-pipa żdiedet. Ħeġġeġ li n-nies li għaddejjin minn dan l-inkwiet m’għandhomx jiddejqu jagħmlu kuntatt mad-detox jew iċ-ċentru tas-Sedqa f’Santa Venera fejn mingħajr ma jaraw il-professjoni jew l-uċuħ tal-persuni li jitolbu l-għajnuna, dawn jiġu assistiti fuq livell professjonali u kunfidenzjali. Ħafna jibżgħu jagħmlu l-pass minħabba l-biza’ li tidħol il-pulizija. Huwa fatt li l-pulizija primarjament tgħin mhux takkuża. Pero’ f’każi simili, dak li jingħad jibqa’ kollox fuq livell ta’ privatezza. L-iskop hu li tqum u tagħmel il-pass. Caritas, l-Oasi, Sedqa, Appoġġ, ħbieb li tista’ tafda, familjari jew counsellours jistgħu jgħinuk. Jeżisti wkoll l-NA (Narcotics Anonymous) li huma laqgħat professjonali fejn l-addict imur u jiftaħ qalbu u dak li jingħad jibqa’ bejn l-erba’ ħitan tal-post. Dawn isiru kuljum fil-Millenium Chapel u huma miftuħa ghal kulħadd basta dak li jingħad hemm ġew jibqa’ hemm ġew. Tista’ ssib aktar dettalji dwar dawn il-laqgħat fuq: http://millenniumchapel.org/ Wieħed jista’ wkoll iċempel fuq in-numru 179.

5 xhur ħabs għal furnar li pprova jdaħħal id-droga fil-ħabs

Furnar ingħata sentenza ta’ ħames xhur ħabs u multa ta’ €700, wara li daħħal xi drogi fil-ħabs għaliex ibnu li huwa dipendenti mid-droga kien qiegħed jikkontempla suwiċidju. Il-każ imur lura għal seba’ snin ilu, meta fil-Faċilita’ Korretiva’ ta’ Kordin, raġel ta’ 58 sena mill-Belt Valletta kien f’pussess ta’ pakkett bi droga kokaina, fejn kien ser iżżur lil ibnu li kien qiegħed jissokkta sentenza ta’ ħabs.

Send this to a friend