Droga | One News - Part 11

Notifiki

Kampjun ta’ droga b’purità mitejn darba inqas mis-sustanza illegali.

Espert maħtur mill-Qorti rrapporta li kampjun, b’rabta ma’ każ ta’ traffikar tad-droga eroina, kien fih mitejn darba inqas mis-sustanza illegali minn kemm kien allegat oriġinarjament.

Dan ħareġ waqt li komplew proċeduri kriminali kontra żewġt irġiel u mara li kienu arrestati wara rejd li sar fil-Marsa f’Settembru li għadda.

Nicholas Farrugia ta’ ħamsa u għoxrin sena minn Bormla u s-sieħba tiegħu Shana Farrugia ta’ tnejn u għoxrin sena mill-Ħamrun, huma akkużati b’pussess aggravat ta’ eroina u li kienu qed jippjanaw biex jittraffikaw kilo u mitejn gramma ta’ eroina.

L-awtoritajiet saru jafu bid-droga wara li kienu msejjħa biex jikkontrollaw nar li kien qabad f’xi stallel. Jason Borg ta’ disgħa u tletin sena, li huwa s-sid tal-istallel fi Triq is-Serkin fil-Marsa, ukoll kien akkużat b’pussess aggravat tal-eroina.

Filwaqt li huma kienu allegati bil-pussess ta’ kilo u mitejn gramma trab kannella, suspettat eroina, l-espert tal-Qorti l-Professur Emanuel Sinagra rrapporta li d-droga kienet ta’ bejn zero punt tnejn u zero punt ħamsa fil-mija pura. Ferm inqas mir-rata normali ta’ bejn ħmistax u tletin fil-mija.

Dan ifisser li droga preżenti kien hemm bejn tnejn punt erbgħa u sitt grammi.

Il-każ ikompli.

Tfittxija għall-għarrieda fil-Faċilità ta’ Kordin: tinstab internet key u trab suspettuż

F’operazzjoni delikata fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin saru tfittxijiet intensivi f’żewġ diviżjonijiet mis-Sezzjoni ta’ Kontra d-Droga fil-Korp tal-Pulizija.

Fit-tfittxija li saret għall-għarrieda ma nstab l-ebda mobile u l-ebda xorb alkoħoliku. Instabet biss internet key u għalhekk se jittieħdu passi fuq il-priġunier ikkonċernat. Instab ukoll ftit trab suspettuż fil-locker ta’ wieħed mill-priġunieri u se tinfetaħ inkjesta.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia qal li tfittixijiet simili se jkomplu jsiru b’mod regolari mill-uffiċjali tal-faċilità kif ukoll meta jinħass il-bżonn tal-Korp tal-Pulizija sabiex jiżguraw is-sigurtà tal-faċilità. Il-Ministru Farrugia se jkompli jaħdem sabiex jeqred għal kollox is-sustanzi illegali, l-oġġetti projbiti u l-abbużi mill-faċilità.

Il-ħabs jirrifjuta li jżommha, imma l-Qorti tinsisti

Mara li kienet qed tiġġieled mal-vizzju tad-droga, spiċċat il-Qorti wara li kissret il-kundizzjonijiet imposti fuqha. L-omm ta’ tifla ta’ tnax-il sena kienet fuq programm ta’ rijabilitazzjoni.

Fil-Qorti ntqal li kienet sejra tajjeb tant li anki kienet meqjusa bħala house leader. Sussegwentament il-mara waqfet mill-programm wara li allegatament it-tabib waqfilha l-medikazzjoni tal-methadone.

Wara li l-mara ħarbet minn San Blas marret tieħu l-eroina u rritornat għand il-ġenituri tagħha fi stat ħażin ħafna. Kien hawn li l-ġenituri tal-mara ħaduha fl-isptar Monte Karmeli għal kura u wara li din ġiet f’sensiha ħaduha l-ħabs minħabba li skont deċiżjoni imposta mill-Qorti aktar qabel, il-mara kellha tittieħed il-ħabs jekk toħroġ mill-programm.

Hawnhekk l-awtoritajiet tal-ħabs irrifjutaw li jżommu l-mara u b’hekk anki ma żammewx mad-deċiżjoni tal-Qorti. Fid-dawl ta’ dan, il-pulizija ma kellhomx triq oħra għajr li jieħdu l-mara l-Qorti fejn ġie deċiż li l-mara għandha terġa’ tittieħed Kordin.

Jingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq akkużat b’pussess ta’ 3 kilos droga kannabis

Rhys Spiteri ta’ 28 sena residenti San Pawl il-Baħar tressaq il-Qorti akkużat li kellu fil-pussess tiegħu 3 kilos kannabis.  Il-Pulizija sostniet li d-droga nstabet f’ċirkustanzi li juru li ma kinitx għall-użu personali.

Spiteri wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Id-difiża oġġezzjonat għall-ifriżar tal-assi. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat  Claire Stafrace Zammit laqgħat it-talba.Aqra aktar

Ta giżirana tad-deheb lill-qassis u għamel rapport falz biex jieħu l-flus

Anthony Mc Kay ta’ 27 sena kien akkużat li nhar is-17 ta’ Mejju 2010 għamel rapport falz fl-għassa tal-Pulizija, fejn qal li kien tilef giżirana tad-deheb fil-grawnd ta’ Ta’ Qali biex jieħu l-flus tal-assigurazzjoni tagħha. Kien ukoll akkużat li għamel vendikazzjoni fuq il-karozza ta’ kumpanija tal-assigurazzjoni, imma minħabba nuqqas ta’ provi, ma nstabx ħati.

Primarjament, il-kumpanija t’assigurazzjoni rrifjutat li taghti s-somma ta’ €7,400 lil Mc Kay u wara komossjoni li qajjem fl-uffiċini tal-kumpannija, ġie mogħti l-ammont ta’ €2,000. Kien f’dan iż-żmien li mpjegata tal-kumpannija sabet brix u r-roti tal-karozza mifqugħa.

Aqra aktar

Qabda ta’ 150 kilo droga fuq vapur

Ilbieraħ filgħaxija f’ħidma konġunta bejn membri mill-iskwadra ta’ kontra il-Vizzju tad-Droga u b’assistenza minn uffiċjali tad-Dwana ta’ Malta, saret sejba ta’ droga fuq Vapur tal-Merkanzija.

Il-vapur li huwa reġistrat il-Panama u li r-rotta tiegħu tinkludi diversi pajjiżi minn madwar id-dinja kien spezzjonat u instabu numru ta’ paketti mdawrin bil-plastik. F’dawn il-paketti nsatbu madwar 150 kilo droga maħsuba kannabis lesta biex tiġi traffikata.

Mill-investigazzjonijiet li saru s’issa ma jidhirx li din id-droga kienet għas-suq lokali. Investigazzjonijiet tal-Pulizija rigward il-każ għadhom għaddejjin.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Y. Micallef Stafrace LLD li ħatret diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata.

Mixli b’pussess u traffikar tad-droga

Sid ta’ proprjetà f’Buġibba ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti b’rabta ma’ traffikar tad-droga.

Nhar it-Tlieta li għadda 6 ta’ Frar, il-pulizija wettqet rejd fejn arrestat seba’ persuni.

Elliott Paul Busuttil ta’ erbgħa u tletin sena ġie akkużat fost l-oħrajn b’pussess aggravat ta’ droga kokajina, eroina u reżina ta’ kannabis.

Huwa anki ġie mixli li kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenza sospiża li rċieva x-xahar li għadda.

Il-Maġistrat Monica Vella tagħtu l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ elf ewro u granazija personali ta’ għaxar t’elef ewro.

3 snin ħabs wara li serqet minn 10 t’iħwienet

Elaine Rapinett ta’ 34 sena kienet akkużata b’serqiet bejn id-19 u t-30 ta’ Jannar li għadda minn disat iħwienet differenti f’sitt lokalitajiet. Hi ġiet ikkundannata tliet snin ħabs wara li ammettiet l-akkużi miġjuba kontrieha.

Rapinett inqabdet permezz ta’ kameras tac-CCTV u li ġew iċċirkolati fuq il-mezzi tal-midja soċjali.

Is-serq seħħ minn spiżerija f’Ħal Balzan, minn ħanut tal-kompjuters fiż-Żejtun, u minn ħwienet tal-ħwejjeġ u supermarket f’Tas-Sliema, minn ħanut tal-apparat elettroniku fil-Belt u minn ħanut tal-kompjuters f’Ħal Qormi, kif ukoll minn ħanut tal-aċċessorji f’ Ta’ Xbiex.

L-għada taż-żewġ serqiet minn Tas-Sliema, reġgħet marret tisraq minn ħanut tal-ħwejjeġ f’Tas-Sliema, filwaqt li jumejn wara serqet minn ħanut tal-apparat elettroniku fil-Belt. L-għada tas-serqa mill-Belt wettqet tliet serqiet oħra minn ħanut tal-kompjuters f’Ħal Qormi, minn ħanut tal-aċċessorji f’Ta’ Xbiex u minn superkamarket f’Tas-Sliema.

Il-Maġistrat Doreen Clarke, ikkunsidrat li l-mara kkoperat mal-Pulizija u ammettiet mill-ewwel. Il-Qorti talbet ukoll biex il-Faċilità korettiva ta’ Kordin tgħin lill-mara tegħleb il-vizzju tad-droga.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Anzjan Johan Fenech u l-Ispettur Jonathan Rensley.

Aqra wkoll: http://www.one.com.mt/news/2018/01/30/jinqabdu-ftit-wara-li-ppruvaw-jisirqu-minn-hanut-fbirkirkara/

Minn sentenza sospiża għal tmien snin ħabs

Żgħażugħ ta’ erba’ u għoxrin sena mill-Imtarfa, ra s-sentenza oriġinali tiegħu tinbidel minn sentenza sospiża għal tmien snin ħabs. Dan wara appell minn naħa tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, li ra li s-sentenza ma kienitx turi l-gravità ta’ dak li wettaq iż-żgħażugħ.

Jacob Rakban, f’Lulju tal-elfejn u sittax wieġeb ħati li f’sitt okkażjonijiet, seraq għadd ta’ ġiżirajjen mingħand nisa anzjani ta’ etajiet bejn ħamsa u ħamsin, u tlieta u tmenin sena. Il-każijiet seħħew kollha fil-Mosta u n-Naxxar.

Fil-Qorti ntqal kif iż-żgħażugħ, eks-plejer ta’ taħt id-dsatax-il sena ta’ Ħamrun, huwa vvizjat bid-droga.

Il-Maġistrat Edwina Grima, li ddeċidiet l-appell, qalet li uwa evidenti li s-sentenza oriġinali mhijiex mistħoqqa, la għall-akkużat, u wisq anqas għall-vittmi, li waħda minnhom saħansitra spiċċat l-Isptar għall-kura.

Jinżamm arrestat wara li seraq

Taljan ta’ disa’ u għoxrin sena, tressaq il-qorti fuq akkużi li seraq ‘il fuq min mitejn u tletin ewro bejn nhar it-Tlieta u l-Ħamis, bl-akkużat ġie mixli li għamel ħsara fuq propjetà ta’ ħaddieħor u li kien fil-pussess t’affarijiet misruqa.

Antonio Moscato kien akkużat li seraq xi ħadid u sarfu fi scrapyard u kien akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet mill-ħelsien mill-arrest. Huwa wieġeb li mhux ħati u talab għall-ħelsien mill-arresst, talba li ma ġietx aċċettata mill-Qorti.

Finalment, il-Qorti qalet li r-raġel għandu jibqa’ arrestat u jibda l-programm ta’ rijabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga.

Send this to a friend