Coronavirus – One News

BIL-FILMAT: L-ebda każ ta’ Coronavirus f’Malta

Sa tard il-Ħamis waranofsinhar, ma kien hawn l-ebda każ ta’ coronavirus f’Malta.

F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha ngħata aġġornament ieħor dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżna, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, spjegat li mindu bdew isiru t-testijiet fuq passiġġieri li jaslu Malta mill-pajjiżi milquta, ittieħdu tnejn u għoxrin swab.

“Aħna sa issa kellna tnejn u għoxrin persuna li kien jiffittja l-case definition u allura għamilnilhom l-iswabs. Kollha ġew evalwati, u dawn kienu kollha negattivi jiġifieri sa issa m’għandna l-ebda każ tal-coronavirus f’Malta.”

L-awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika qegħdin f’kuntatt kuljum ma’ tliet persuni li jinsabu fi kwarantina, li kienu fuq il-cruiseliner Westerdam li fuqu kien hemm persuna bil-coronavirus.

F’każ ta’ safar, il-Professur Gauci saħqet biex persuni li marru f’postijiet affettwati b’din l-imxija, jibqgħu kwarantina minn jeddhom id-dar għal erbatax-il ġurnata.

F’kamra biswit fejn saret il-konferenza tal-aħbarijiet, numru ta’ tobba kienu qegħdin iwieġbu bla waqfien mistoqsijiet tal-pubbliku fuq il-helpline 21324086 li twaqqaf apposta dwar il-coronavirus/

“Aħna rajna li din il-ġimgħa kellna domanda qawwija fuq din il-helpline, infatti aħna estendejna din il-helpline fejn hemm it-tobba tas-saħħa pubblika li qegħdin iwieġbu għall-mistoqsijiet kollha tal-pubbliku inġenerali, kemm dawk dwar x’inhuma t-tħejjijiet tagħna imma wkoll dwar ċertu sintomi li jista’ jkollhom jew inkella xi concerns li jista’ jkollhom in-nies tagħna.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, Celia Falzon, qalet li l-isptar huwa mħejji u appellat biex, in-nies li jaħsbu li għandhom sintomi tal-coronavirus, ma jmorrux l-emerġenza.

“Is-sitwazzjoni fl-Emerġenza hija waħda ta’ normalità għall-aħħar, l-unika tibdil li għamilna hi li għandna l-infermiera fil-bieb biex jistaqsu lill-pazjenti li jiġu l-Emerġenza minn fejn huma ġejjin, jekk kinux imsefrin, jekk għandhomx xi sintomi, biex jekk ikun hemm xi ħadd li jkun suspettat li jista’ jkun għandu din il-kundizzjoni, nilqgħulu mill-bidu. Fil-fatt ilbieraħ kellna każi hekk, ġew iżolati, għamilnilhom it-testijiet, irriżultaw li ma kellhomx il-kundizzjoni u serraħna moħħna.”

Tenniet li dawk li jaħsbu li għandhom il-coronavirus m’għandhomx imorru l-isptar għax hemmhekk hemm nies vulnerabbli.

“Per eżempju lbieraħ kellna każ li ġie fil-lobby tal-isptar, daħal fir-reception tal-isptar, qalilna jien qed inħoss is-sintomi, x’għandi nagħmel? Dik hija l-agħar ħaġa li nistgħu nagħmlu għax jekk ikollok fil-verità din il-kundizzjoni taf tkun infettajt parti kbira mill-poplu.”

L-awtoritajiet tas-saħħa pubblika assiguraw li malli jidħol każ ta’ coronavirus f’Malta, il-pubbliku se jkun infurmat mill-ewwel, u l-appell hu biex in-nies ma jqajmux allarm għalxejn, u jsegwu sorsi ta’ informazzjoni li jistgħu joqogħdu fuqhom.

 

Aqra aktar

Se jibda jitlaqa’ kumitat b’nies fl-industrija tat-turiżmu b’rabta mal-Coronavirus

Minn għada jibda’ jiltaqa’ l-kumitat magħmul minn stakeholders ewlenin fl-industrija tat-turiżmu b’rabta mal-Coronavirus COVID-19.

Il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur qiegħed jissorvelja kontinwament l-aħħar żviluppi fir-rigward tat-tixrid tal-coronavirus, f’konsultazzjoni sħiħa mal-Kumitat Operattiv tal-Gvern Ċentrali. Aqra aktar

Send this to a friend