Central Link Project | One News

Notifiki

Preżentati l-istudji u l-pjanti finali tas-Central Link Project

L-istudju dwar l-impatt ambjentali kkonferma li s-Central Link Project kif qed ikun propost huwa l-aktar soluzzjoni effettiva u sostenibbli biex jonqos il-ħin tal-ivvjaġġar f’din ir-rotta ewlenija bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali u titjieb il-kwalità tal-ajra fil-lokalitajiet tal-madwar.

Dan l-istudju flimkien ma’ oħrajn li saru minn esperti indipendenti, ġew ippreżentati lill-awtoritajiet tal-ambjent u tal-ippjanar mill-Aġenzija Infrastruttura Malta, biex issa jkun jista’ joħroġ il-permess għall-iżvilupp ta’ dan il-proġett b’investiment ta’ madwar €55 miljun.

L-istudju juri li dak propost huwa l-aħjar mod biex ikun hemm titjib fil-kwalità tal-arja f’dawn l-inħawi traffikużi ta’ pajjiżna, kif ukoll biex jonqos il-ħin tal-ivvjaġġar. Kuntrarju għal dak propost 13-il sena ilu, is-Central Link Project propost minn dan il-Gvern se juża 57% anqas art agrikola.

Infrastruttura Malta qalet li jekk il-prġett jibqa’ ma jsirx sal-2030, il-ħin tal-ivvjaġġar fl-inħawi se jirdoppja fil-ħinijiet bieżla tat-traffiku. Aktar minn hekk, dan se jwassal għal mija u erba’ fil-mija żieda fl-emmissjonijiet mill-karozzi, li jkun ta’ ħsara kbira għall-ambjent u għal saħħet il-bniedem.

Is-Central Link Project għandu l-għan li  jtejjeb il-kwalitá u s-sigurtá fil-Bypass tal-Imrieħel, tul Triq l-Imdina f’Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard, sar-roundabout tat-Telgħa tas-Saqqajja, u fl-inħawi ta’ Ta’ Qali.

Il-proġett jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid ta’ 13-il junction, it-tneħħija ta’ erba’ sistemi tad-dwalijiet tat-traffiku, u żieda ta’ aktar minn seba’ kilometri korsiji ġodda.

Se jiġu introdotti wkoll diversi faċilitajiet għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi, fosthom passaġġi għall-mixi, faċilitajiet aħjar għal dawk li jivvjaġġaw b’tal-linja u l-itwal korsija għar-roti mifruda mit-triq li se jkun hawn fil-pajjiż.

Infrastruttura Malta qalet ukoll li lestiet il-pjanti finali li issa jinkludu wkoll il-bini ta’ flyover ġdida ta’ erbgħin metru waqt li t-triq b’żewġ korsijiet li se tinbena fit-tarf ta’ Ħ’Attard tbiegħdet aktar mill-inħawi residenzjali u se tieħu nofs l-art agrikola li kienet iddedikata għaliha.

It-triq arterjali ġdida se tinbena sular ‘l isfel mit-toroq residenzjali u b’hekk se jonqos l-impatt viżiv fuq id-djar f’Ħ’Attard.

ARA: Is-Central Link Project spjegat fid-dettall

Fil-jiem li għaddew tħabbar is-Central Link Project, proġett b’investiment ta’ ħamsa u ħamsin miljun ewro, li mistenni jibel għal kollox il-mod kif dak li jkun jasal minn hawnhekk fl-Imrieħel, għal postijiet oħra bħal Birkirkara, Ħ’Attard, il-Mosta u r-Rabat.

Is-Central Link Project se jkun qed jaffettwa lil iktar minn tletin elf karozza li ta’ kuljum jgħaddu mill-inħawi ta’ bejn il-bypass tal-Imrieħel u r-roundabout tat-telgħa tas-Saqqaja.

ONE News żar il-punti kollha li se jinbidlu grazzi għal dan il-proġett. SHOTS TAD-DRONE FOOTAGE UFFIĊJALI TAL-MINISTERU

Il-proġett kollu jibda hawnhekk.. bit-tneħħija tat-traffic lights magħrufa aħjar bħala ta’ biswit l-MFSA.. dan ifisser li min ikun ġej minn naħa ta’ Birkirkara u Santa Venera, jew inkella mill-Bypass tal-Imrieħel, daqshekk se jistenna fit-traffic lights, iżda se jsib toroq apposta li se jeħduħ fejn ikun jixtieq imur.

Minn biswit l-MFSA, ix-xogħolijiet se jkomplu għaddejin fid-direzzjoni taż-żona ta’ San Anton. MFSA SHOT1

Hawnhekk ukoll, it-traffic lights se jkunu qed jitneħħew għal kollox.

Il-proġett se jkompli hawnhekk, bit-tneħħija tat-traffic lights li hawn warajja, it-traffic lights taż-żona ta’ San Anton.. dan ifisser li min se jkun tiela jew nieżel minn din it-triq, daqshekk se jiltaqa ma’ lights.

Għal dawk li jkunu jridu jinżlu għal ħdejn San Anton, se ssir triq apposta li ddur mal-lokalità fil-forma ta’ ring road.

Dawk kollha li jiddeċiedu li jimxu, jew jużaw ir-rota, se jkollhom il-possibilta li jaqsmu minn naħa għall-oħra tat-triq permezz ta’ pont li se jinbena.

Il-proġett kollu se jkun qiegħed iwessa’ t-toroq kollha, bl-iktar żona affettwata se tkun dik ta’ San Anton, hekk kif minn erba karreġġjati, se ssir b’sitta.

Iż-żoni l-oħrajn fejn hemm żewġ karreġġjati, se jsiru b’erbgħa.

L-uniku triq fir-rotta kollha li se tibqa b’karreġġjata waħda, tinsab ftit ‘l fuq.

Mill-proġett kollu kemm hu, it-triq li ninsabu fiha aħna, din li qed taraw warajja, hija l-unika waħda li se tibqa b’karreġġjata waħda, jiġifieri b’one lane.. madanakollu din se tkun qed tintuża biss minn dawk ir-residenti li se jużawha biex jidħlu f’Ħ’Attard.

Il-proġett b’kollox mistenni jirriġenera u jirristruttura xejn anqas minn tlettax-il junction, u jelimina tliet sistemi ta’ traffic lights.

Tul ir-rotta kollha kemm hi se jkunu qed jinqalgħu u jsiru mill-ġdid iktar minn seba kilometri ta’ toroq ġodda, u żewġ kilometri oħra ta’ toroq għar-roti.

Se jkunu qed isiru iktar minn dsatax-il elf metru kwadru ta’ tisbiħ, bħal tħawwil ta’ siġar u fjuri f’roundabouts u fil-ġenb tat-toroq.

B’kollox, il-proġett se jkun qed inaqqas l-emissjonijiet bi tlettax fil-mija, u l-ħin biex wieħed jasal minn post għall-ieħor bin-nofs.

Wara li jgħaddi l-perjodu ta’ procurement, ix-xogħol fuq dan kollu mistenni jkun lest fi żmien sentejn.

Il-proġett jasal fi tmiemu fir-roundabout ta’ biswit is-saqqaja.

Hawnhekk huwa fejn se jintemm dan il-proġett.. biswit ir-roundabout tat-telgħa tas-Saqqaja, roundabout li se tiġi riġenerata u ristrutturata kollha kemm hi.. dan b’tali mod li jekk inti toħroġ minn ħruġ li jkun imiss ma’ ħruġ ieħor, issa daqshekk se tuża r-roundabout, iżda se ssir triq li tieħdok fil-ħruġ li għandek bżonn.

U-turn oħra tal-viċi kap Nazzjonalista

Wara l-barax ta’ kritika li qala’, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius reġa’ lura minn kliemu.

Mindu tħabbar is-Central Link Project, proġett li se jindirizza l-problema tat-traffiku fiċ-ċentru ta’ Malta, Agius ma waqafx jikkritika dan l-investiment fl-infrastruttura ta’ pajjiżna b’nefqa ta’ ħamsa u ħamsin miljun ewro.

Aqra aktar

ARA: Kundanna oħra għal David Agius

“Wasal iż-żmien li min qed imexxi ma jibqax jagħti kas iktar il-kritika bla bażi li qed issir, u jkompli jaħdem fuq it-toroq Maltin.”

Kien b’dan id-diskors li l-editur tal-ġurnal Malta Independent, beda l-editorjal tiegħu li kkritika d-diskors tal-Viċi Kap Nazzjonalista, David Agius, meta fil-Parlament pprova jitfa’ dell ikrah fuq is-Central Link Project – Proġett b’investiment ta’ 55 miljun ewro li għandu jindirizza l-problema tat-traffiku fiċ-ċentru ta’ Malta.

Aqra aktar

Fis-seħħ waħda mill-isbaħ proposti tal-manifest elettorali

 

“Din il-ġimgħa rnexxielna ndaħħlu fis-seħħ waħda mill-isbaħ proposti tal-manifest elettorali.” Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat, f’kollegament telefoniku fuq ONE Radio.

Hu kien qed jirreferi għall-miżura li permezz tagħha  dawk il-koppji li jiddeċiedu li jadottaw ikunu mgħejjuna b’għotja ta’ €10,000.

Aqra aktar

BIL-FILMAT: Proġett ta’ €55 miljun biex itejjeb is-sistema tat-traffiku fiċ-ċentru ta’ Malta

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg ħabbar proġett ta’ €55 miljun b’ko-finanzjament minn fondi Ewropej biex ittejjeb is-sistema tat-traffiku fiż-żona ċentrali ta’ Malta, dik ta’ bejn l-Imrieħel u l-Mosta – żona li ta’ kuljum tara mat-30,000 vettura. Il-proġett għandu l-għan li jaqta’ bin-nofs il-ħin tal-ivvjaġġar fil-qalba tal-pajjiż, mill-Imrieħel, Triq l-Imdina f’Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard sar-roundabout tat-telgħa tas-Saqqajja li tgħaqqad Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat, il-Mosta u l-Imġarr.

Aqra aktar

Send this to a friend