ċawsli – One News

Notifiki

ARA: Tibda t-tieni fażi tal-proġett tat-triq Taċ-Ċawsli

Tlestiet l-ewwel fażi tal-proġett tat-Triq taċ-Ċawsli bejn Ħaż-Żabbar u ż-Żejtun u bdiet it-tieni fażi li tinkludi l-bini ta’ korsija ġdida għar-roti u passaġġ għall-mixi maġenb il-karreġġjata ġdida għall-karozzi li tlestiet ix-xahar li għadda.

Infrastruttura Malta qalet li fl-aħħar xhur il-karreġġjata li kienet twassal lejn iż-Żejtun ingħalqet u reġgħet inbniet fuq pedamenti ġodda. Ix-xogħol kien jinkludi t-tneħħija ta’ radam u floku saret struttura b’saħħitha magħmulha minn kważi 1,800 blokka tal-franka u 3,000 tunnellata konkos. Spegjat li f’Diċembru li għadda, il-karreġġjata ġdida ta’ żewġ korsiji ngħatat l-ewwel kisjiet ta’ asfalt.

Din il-karreġġjata nfetħet fid-direzzjoni miż-Żejtun lejn Ħaż-Żabbar, waqt li n-naħa l-oħra tat-triq ingħalqet biex tinbidel f’korsija għar-roti fiż-żewġ direzzjonijiet u passaġġ pavimentat għall-mixi. It-triq kollha se tinfetaħ fiż-żewġ direzzjonijiet qabel is-sajf, malli titlesta  din il-fażi tal-proġett li qed issir b’investiment totali ta’ aktar minn €4 miljun. Fl-istess waqt se tiġi installata wkoll sistema ġdida ta’ dwal.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta Fredrick Azzopardi spjega li biex jitnaqqas ir-riskju tal-għargħar, saret sistema ġdida ta’ żewġ kilometri u nofs għall-ġbir tal-ilma tax-xita li tqabbdet ma’ ġibjun fil-post. Fil-ġenb inbena wkoll ħajt tas-sejjieħ biex jifred it-triq mill-għelieqi li hemm biswitha. Biex tissaħħaħ id-distribuzzjoni tas-servizzi, tpoġġew aktar minn tliet kilometri ta’ pajpijiet ġodda għas-servizzi tal-ilma, dawl u telekomunikazzjoni, kif ukoll katusi ġodda għad-drenaġġ.

Intant, il-pajsaġġ fejn issa hemm is-siġar taċ-ċawsli se jibqa’ hemm biex jifred il-karreġġjata tal-karozzi mill-parti tat-triq li se tkun apposta għar-roti u l-mixi. Dan filwaqt li se jitħawlu 21 siġra oħra taċ-ċawsli.

ARA: Ix-xogħol fuq taċ-Ċawsli miexi ġmielu!

B’investiment ta’ €4Miljun, beda x-xogħol biex tinbena mill-ġdid it-Triq taċ-Ċawsli.

It-triq, li fiha hemm għadd ta’ siġar taċ-Ċawsli storiċi li jagħtuha isimha, inbniet lura fis-snin tmenin, iżda għal snin twal tħalliet mingħajr manutenzjoni, tant li llum-il ġurnata tinsab fi stat ħażin ħafna.

Taħt is-superviżjoni ta’ Infrastructure Malta, l-aġenzija li twaqqfet ftit tax-xhur ilu, ix-xogħlijiet se jagħtu dehra kompletament ġdida lit-triq.Aqra aktar

It-Triq ‘taċ-Ċawsli’ se tinbena mill-ġdid

Il-Ministru Ian Borg ħabbar li llum ser tinħareġ is-sejħa għal offerti sabiex tibena mill-ġdid Triq Bormla ġewwa Ħaż-Zabbar, magħrufa aħjar bħala it-Triq taċ-Ċawsli.

Din hija triq importanti ħafna għax tgħaqqad tliet ibliet fin-naħa t’isfel ta’ Malta: Żabbar, Żejtun u Fgura.

L-investiment mistenni jlaħħaq il-ħames miljun ewro. Il-Partit Laburista fil-Gvern wiegħed li jara li t-toroq kollha ta’ Malta u Għawdex ikunu fi stat tajjeb tul il-leġiżlatura, u sa mill-ewwel jiem wara l-elezzjoni ġenerali, beda jara li din il-wegħda titwettaq.

Send this to a friend