anglu psaila | One News

Notifiki

Il-PL isellem lill-Professur Anġlu Psaila

Il-Partit Laburista jsellem il-memorja tal-Professur Anġlu Psaila li jibqa’ mfakkar l-iktar għall-kontribut tiegħu fil-qasam mediku. Il-Professur Psaila mhux biss kien jispikka għall-għerf tiegħu iżda wkoll għall-mod kif dan l-għerf kien jipprova jxerrdu fost il-pubbliku b’mod partikolari permezz tal-media. Fil-fatt għal snin twal ikkontribwixxa u saħansitra mexxa programmi fuq l-istazzjonijiet ONE.Aqra aktar

Imut il-Professur Anġlu Psaila

Tħabbret il-mewt tal-Professur Anġlu Psaila, speċjalista tal-mediċina ġenerali. Imwieled Ħaż-Żabbar, huwa kellu 81 sena u kien speċjalista tat-tfal u kardjologu kliniku.

Il-Professur Psaila kien magħruf għal diversi interventi li għamel fil-qasam tal-edukazzjoni tas-saħħa pubblika, billi kkontribwixxa f’għadda programmi lokali tar-radju u t-televiżjoni. Għal bosta snin ppreżenta l-programm Stetoskopju fuq One Radio.Aqra aktar

Ta’ 90 sena u għadu jaħdem in-nar li kien se jeħodlu ħajtu tliet darbiet

Iltaqa’ mal-mewt tliet darbiet, imma daqstant drabi daħkitlu x-xorti.

Peppi Mangion, li ftit ġimgħat oħra jagħlaq disgħin sena, beda jaħdem in-nar tal-festa lura meta kellu sittax-il sena, u tul is-sebgħa u sittin sena li dam jaħdem in-nar, fi tliet okkażjonijiet helisha hafif.

Ħadna lura fl-elf disa’ mija u tmienja u ħamsin meta tnejn minn sħabu tilfu ħajjithom.

sieħbi kien qed jippakkja l-kulur barra – sparkjatu, ħarġet l-istilla u ġiet fil-bitħa tal-kamra fejn konna qegħdin. Għidtilhom ‘iġru iġru’ – u l-ieħor…ta’ warajja ma setax joħroġ kien oħxon, qabditu l-blata tal-bieb, miet. U kellna l-muturi wara tal-kamra, ma laqtitomx ġebla, u bil-mutur inżilna.

Fis-sena elf disa’ mija u sebgħin għadda mill-agħar esperjenza għalih, meta kien ġarrab ġrieħi serji ħafna.

Għidtlu xarrabha l-kargiera. Ma xarrabhiex , qabdet, qabbad lili u nxtwejt, u għamilt 3 xhur l-isptar, ħa mmut u ma mmutx. 

Minkejja l-ġrieħi serji, qalbu baqgħet mal-kamra tan-nar. Ibnu Joseph irrakkontalna ġrajja meta missieru kien l-isptar minħabba n-nar.

Hin minnhom daħal il-professur Anglu Psaila. Qallu kif inti pepp? Qallu, xejn ejja ħa mmur l-għalqa, ħallik milli kif jien. Kien qed jirreferi li jmur il-kamra tan-nar, maħruq kif kien u xorta ried jitla’ l-kamra.

Peppi kien involut f’inċident ieħor fl-elfejn u disgħa, meta ra l-mewt ta’ kollega ieħor tiegħu.

Staqsejna lil Peppi għaliex, minkejja li ra dawn it-traġedji, u kien hu stess li kien fix-xifer li jitlef ħajtu, baqa’ jaħdem in-nar propju sa ħames snin ilu. Hawnhekk, minbarra l-imħabba għan-nar, spikkat id-devozzjoni għall-Madonna.

Għidtilha salvajtni, nibqa’ naħdem.

Qaluli gib il-madonna minn hemm gew u rringrazzjaha. Ghidtilha inti hallejtni haj, nibqa nahdem ghalik.

Peppi kien magħruf l-iktar għall-murtali tal-kulur. Staqsejnieh kif kien jagħmilhom.

Bir-riċetti hu dak per eżempju l-ħadra etc etc etc, tagħrbilhom flimkien, tagħġinhom, ixxarrabhom, u tippressahom bħal tappijiet. U mbagħad meta tinxef, tippakkjahom fl-iskartoċċ.

Spjegalna li wara x-xogħol kien jibqa’ sejjer il-kamra…dejjem hemm…u dejjem ħadem b’xejn, u dan ix-xogħol kien jaghmlu minn qalbu.

Għal madwar ħmistax-il sena refa’ wkoll fil-purċissjoni tal-festa, però n-nar baqa’ l-għeżeż għalih. Xi ħaġa li minħabba saħħtu waqaf jagħmel ħames snin ilu.

L-imħabba tiegħu għan-nar ħarġet meta staqsejnieh x’parir jagħti liż-żgħażagħ, konxju li s-sigurtà llum żdiedet ħafna.

 

B’nostalġija, Peppi wriena r-ritratti tas-sehem tiegħu fil-festa fl-imgħoddi, u bla dubju li n-nar ta’ din is-sena ta’ Santa Marija, se jkun qed jiflih sew.

Send this to a friend