Alfred Sant | One News - Part 8

Notifiki

Alfred Sant favur trasport bi prezzijiet raġjonevoli fir-reġjuni insulari u fil-periferija tal-UE

L-UE għandha tiggarantixxi trasport bi prezzijiet raġjonevoli fir-reġjuni kollha tagħha, speċjalment f’dawk insulari, fil-periferija u f’reġjuni b’popolazzjonijiet żgħar fl-Unjoni. Dan qalu Alfred Sant waqt li ressaq l-emendi tiegħu tar-Rapport Annwali tal-Parlament Ewropew dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni bħala Shadow Rapporteur għall-S&D fil-Kumitat Ekonomiku u tal-Affarijiet Monetarji tal-Parlament Ewropew (ECON). Dr Sant daħħal emendi dwar il-liberalizzazzjoni fis-settur tat-trasport, il-kwistjonijiet tal-kompetizzjoni fid-dinja diġitali, dwar Google, il-liberta` biex aġenti tal-ivvjaġġar ‘online’ ibigħu biljetti tal-ajru bla xkiel, is-separazzjoni ċara tal-poteri tad-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni, u l-kompetizzjoni fis-settur tal-ikel u fl-agrikoltura.

L-Ewroparlamentari esprima s-sodisfazzjon li setturi importanti qed jingħataw rikonoxximent permezz tal-proposti tar-Rapporteur tal-Grupp Politiku ALDE Ramon Tremosa u bl-emendi li ressaq. Ir-rapport mistenni jitla’ għall-vot waqt il-plenarja ta’ Marzu fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

Dr Sant qal li l-emendi dwar Google jidhru b’mod prominenti.

“Irridu nitkellmu dwar Google b’mod ċar, b’mod razzjonali. Ma nistgħux ninjorawh għax b’hekk inkunu qegħdin ninjoraw l-iljunfant fil-kamra.”

L-Ewroparlamentari qal li l-aġenziji tal-ivvjaġġar ‘online’ qed jilmentaw li qed jitwarrbu mis-suq anke minħabba li ċerti linji tal-ajru jimponu ħlasijiet addizzjonali għal dawk li ma jibbukkjawx mas-siti tagħhom. Leġiżlazzjoni adattata għandha tevita aġir mhux kompetittiv fid-distribuzzjoni tal-biljetti bl-għan li l-biljetti tal-ajru jkunu orħos għall-vjaġġaturi kollha fl-Ewropa.

Dr Sant qal li d-Direttorat tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni għandu jingħata biżżejjed riżorsi.

“Naqbel li l-Kummissjoni Ewropea tingħata r-riżorsi meħtieġa u jkun hemm separazzjoni stretta u trasparenti bejn id-dipartimenti li jfasslu l-linji gwida, u dawk li jimplimentawhom f’każijiet speċifiċi. Għandna nevitaw sitwazzjonijiet fejn id-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni jkun il-prosekutur, l-imħallef, il-ġurija u dak li jeżegwixxi.”

Dr Sant wera s-sodisfazzjon li permezz t’emendi tiegħu u kompromessi li nksibu mill-S&D il-kwistjoni ta’ diskrepanzi bejn il-prezzijiet tal-ikel offrut lill-konsumatur u dawk li qed jingħataw lill-bdiewa għall-prodotti tagħhom qed tiġi ndirizzata. Min hu dgħajjef għandu jiġi mħares.

Alfred Sant favur 5% żieda fil-paga minima fil-pajjiżi tal-UE

Alfred Sant qal li jekk l-Ewropa trid tiżgura suċċess fl-elezzjonijiet li qed joqorbu tal-Parlament Ewropew biex iservu ta’ tappa importanti għall-proġett Ewropew, l-istati membri jridu juru li wara snin ta’ awsterita`, qed jaħdmu favur titjib fil-qagħda tal-familji u ċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea kollha. Sant staqsa lil President tal-ECOFIN wasalx iż-żmien li ssir pressjoni biex il-paga minima tiżdied b’5% waqt laqgħa mal-Ministru tal-Finanzi Bulgaru Vladislav Goranov, President tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) tal-Presidenza Bulgara.

Vladislav Goranov, li ppreżenta l-prijoritajiet tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ekonomija u l-finanzi, ma rreaġixxiex għall-proposta tal-Ewroparlamentari Malti.

Dr Sant argumenta li jekk titwettaq din il-proposta fl-istati membri, ikunu bbilanċjati d-diffikultajiet imqanqla mill-kompetizzjoni. Din il-proposta jekk issir tkun aktar effettiva biex jintlaħqu l-miri tal-inflazzjoni, mill-għodda monetarji li l-Bank Ċentrali Ewropew uża f’dawn l-aħħar snin. Miżura bħal din tista’ tiġi adottata biss f’livell ta’ Kunsill, qal Dr Sant.

“L-aħħar analiżi tas-sitwazzjoni ekonomika turi li l-espansjoni ekonomika fl-Unjoni Ewropea kollha u fiż-żona ewro għadha għaddejja, u saret aktar wiesgħa. Minħabba dan it-titjib ekonomiku, m’għadux jagħmel aktar sens li jintużaw l-argumenti dwar awsterità biex il-klassijiet tal-ħaddiem, il-klassijiet tan-nofs u l-pensjonanti jiċċaħħdu minn titjib fil-poter tax-xiri tagħhom, filwaqt li l-korporazzjonijiet qed jingħataw il-prosit talli qed iżidu fil-profitti tagħhom.”

F’dan ir-rigward, żieda fil-pagi tikkontribwixxi lejn l-irkupru ekonomiku billi tnaqqas l-inugwaljanzi u tiżgura livelli għoljin ta’ għixien fiż-żona Ewropea, qal il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew.

Il-Presidenza Bulgara tista’ tqajjem aktar għarfien dwar il-qagħda tal-istati u r-reġjuni fil-periferija tal-Ewropa

Il-Presidenza Bulgara tal-UE tat prijorita` lit-tisħiħ tar-relazzjonijiet reġjonali tal-Balkani, iżda tista’ tagħti aktar għarfien lill-istati tal-periferija tal-Ewropa. L-inklużjoni tagħhom fit-tfassil tal-politika Ewropea hija ċ-ċavetta biex l-Ewropa tiżgura għaqda ekonomika u soċjali. Dan qalu Alfred Sant fil-Parlament Ewropew waqt il-preżentazzjoni tal-programm ta’ attivitajiet tal-Presidenza tal- Bulgarija fl-ewwel nofs tas-sena 2018.

Dr Sant qal li l-Presidenza Bulgara ppreżentat programm b’saħħtu għall-ewwel sitt xhur tas-sena.

Aqra aktar

Il-Kontroversja dwar l-armonizzazzjoni tat-taxxi fl-UE tkompli din is-sena – Alfred Sant

Din is-sena u fis-sena ta’ warajha fl-istituzzjonijiet Ewropej se tqum il-kontroversja dwar l-unanimita` bejn l-istati membri tal-UE biex tkun introdotta l-armonizzazzjoni fit-taxxa. Dan qalu Alfred Sant waqt programm televisiv dwar Malta u l-Unjoni Ewropea. Dr Sant qal li biex l-UE tiddeċiedi dwar taxxi tal-kumpaniji u dwar taxxi personali, hemm bżonn ta’ unanimita` għax din materja li taqa’  barra milli jgħidu t-trattati. Imma hemm min qed jargumenta li klawsola tat-trattati tippermetti li f’ċerti ċirkostanzi ma hemmx bżonn ta’ unanimita` anke dwar taxxa. Dan l-argument infetaħ is-sena li għaddiet.

Dr Sant qal li qed issir pressjoni fl-istituzzjonijiet Ewropej favur l-armonizzazzjoni tat-taxxa. Fil-Kummissjoni Ewropea u fil-Parlament Ewropew hemm qbil li jkunu armonizzati t-taxxi fl-UE waqt li hemm ideat differenti fil-Kunsill Ewropew.

Sant kompla: “Il-vot li ħadu d-deputati nazzjonalisti fuq ir-Rapport tal-Panama fil-Parlament Ewropew kien jgħid li l-unanimita` dwar it-tassazzjoni trid tispiċċa. Jekk ivvotaw favur ir-rapport, ivvotaw favur dan il-punt. Bil-vot tagħhom l-MEPs tal-PN qablu li t-tassazzjoni m’għandhiex tibqa’ prerogattiva tal-pajjiżi membri. Bl-istess mod, punt ieħor li qiegħed fir-rapport li vvotaw favur tiegħu jgħid illi kull ftehim dwar taxxa doppja bejn pajjiżi membri tal-UE u pajjiżi oħra, għandu jittieħed u jsir minn Brussell. Li hemm inkwetanti f’din il-ħaġa hi li donnu l-PN bidel il-pożizzjoni tiegħu, ma għadux jappoġġja ċertu pożizzjonijiet li kien hu wara kollox li kien għafas fuqhom meta Malta daħlet fl-UE. Din hija xi ħaġa perikoluża ħafna.”

Dr Sant qal li hemm affarijiet fl-UE li jeħtieġ li jitjiebu pereżempju żgur li hemm bżonn li għalkemm l-ekonomiji qed jirrankaw, hemm bżonn aktar ħsieb u inizjattiva kif noħolqu aktar xogħol għaż-żgħażagħ, iktar kura għal persuni li jinsabu qrib il-faqar. Fil-qasam tal-immigrazzjoni jeħtieġ li l-Ewropa tkun aktar soda iżda aktar ħanina. L-istess ħaġa tgħodd għal Malta.

“Għal futur – laburisti, nazzjonalisti – aħna minn aħna-  irridu l-ewwel nett dak li sejjer tajjeb inkomplu nsostnuh, nifhmu li għad iridu jiġu żminijiet differenti u diffiċli għax dejjem hekk jiġri. Il-ħajja rota u fejn naraw li l-affarijiet mhumiex sejrin tajjeb biżżejjed irridu nagħmlu l-almu tagħna biex insewwuhom b’sens ta’ lealta` lejn il-pajjiż u anki lejn l-Ewropa għax wara kollox aħna Ewropej.”

Diskussi l-aħħar żviluppi fl-UE fuq il-ħaddiema Maltin u Għawdxin

Il-GWU se torganizza laqgħat mas-segretarji tagħha u mal-uffiċċju ta’ Alfred Sant dwar deċiżjonijiet u istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jinteressaw lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Dan intqal waqt laqgħa li Alfred Sant kellu mas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja. Kienet il-GWU li ssuġġeriet il-laqgħa mal-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew li matulha ġew diskussi r-riperkussjonijiet tal-aħħar żviluppi fl-UE fuq il-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Aqra aktar

Alfred Sant b’perspettiva Maltija tal-iżviluppi fiż-żona ewro

Malta u l-Ewro huwa ktieb ġdid bil-Malti u bl-Ingliż li fih Alfred Sant jagħti perspettiva Maltija għall-iżviluppi fiż-żona ewro bejn 2015 u t-tmiem tal-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea f’Ġunju 2017. Dan it-tielet volum tal-ktieb jittratta l-kriżi Griega, l-isforzi biex tikber l-ekonomija fl-Ewropa, l-impatt tal-Brexit fuq iż-żona ewro u d-dibattiti dwar il-futur tal-ewro issa li s-snin ta’ kriżi jidhru li għaddew. L-ewwel u t-tieni volum ta’ Malta u l-Ewro kienu inbigħu fi ftit ġimgħat tant li l-pubblikaturi kellhom jistampaw mill-ġdid iż-żewġ edizzjonijiet biex ilaħħqu mad-domanda.

“Dan il-volum huwa indispensabbli għall-istduenti Maltin u ċ-ċittadini Maltin li jixtiequ jifhmu l-fatturi li ikkundizzjonaw il-munita  nazzjonali tagħna”, qalet SKS li ippubblikat dal-ktieb.

Aqra aktar

Alfred Sant b’konferenza dwar il-futur tal-Ewropa

Sensiela wiesgħa ta’ kwistjonijiet relatati mal-futur soċjali, politiku u ekonomiku tal-Ewropa mistennija jiġu diskussi matul il-konferenza ‘Il-Futur tal-Ewropa’ nhar il-ġimgħa 06 ta’ Ottubru 2017 fil-Qawra indirizzata mill-Kap tad-delegazzjoni Laburista tal-Parlament Ewropew Dr Alfred Sant.

“Id-diverġenzi ekonomiċi u soċjali qed jikbru bejn in-Nord u s-Sud tal-Ewropa minkejja li l-ekonomija Ewropea tidher li qed tirpilja. Il-problemi soċjali qed jippersistu tul l-Ewropa kollha. L-inċertezza dwar in-negozjati tal-Brexit bejn l-UE u r-Renju Unit għadha kbira, ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja għadhom mimlija tensjoni, l-immigrazzjoni fiċ-ċentru u l-Lvant tal-Mediterran għadha ttektek bla waqfien, waqt li t-terroriżmu Ġiħadista jħasseb lil kontinent kollu.” qal l-Ewroparlamentari.  Aqra aktar

“Id-drittijiet taċ-ċittadini Brittaniċi u tal-UE jaqgħu taħt l-obbligi politiċi ta’ Tusk”

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa involut kompletament fil-proċess tat-taħditiet tal-Brexit u għalhekk id-drittijiet taċ-ċittadini Britanniċi u tal-UE jaqgħu taħt il-kappa tal-obbligi politiċi ta’ Donald Tusk, anki jekk il-Kummissjoni Ewropea hija n-negozjatur prinċipali tal-Brexit.

Qal dan Alfred Sant fil-Parlament Ewropew fi Brussell meta rreaġixxa għat-tweġiba tal-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal mistoqsijiet ta’ 21 Ewroparlamentari minn ħames gruppi politiċi differenti fil-Parlament Ewropew dwar id-drittijiet taċ-ċittadini Britanniċi fl-istati membri tal-UE u d-drittijiet ta’ ċittadini Ewropej fir-Renju Unit. Donald Tusk qal li ma kienx f’pożizzjoni li jirrispondi għad-domandi għax qal li n-negozjati tal-BREXIT ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltajiet politiċi tiegħu. Il-Mistoqsija Parlamentari saret minn Julie Ward (S&D) u ġiet iffirmata wkoll minn 20 MPE, inkluż  Alfred Sant.
Aqra aktar

Alfred Sant jitkellem dwar l-uġigħ

 

Esperti fil-qasam tal-uġigħ iltaqgħu f’Malta għas-Simposju 2017 dwar L-Impatt Soċjali tal-Uġigħ biex ikunu indirizzati kwistjonijiet urġenti u biex jinstabu soluzzjonijiet ġodda li jgħinu lill-Gvernijiet u l-Istituzzjonijiet Ewropej jaġixxu u jagħtu prijorita` lill-impatt tal-uġigħ fl-aġenda politika tagħhom.

L-Ewroparlamentari Malti Alfred Sant  ħa l-inizjattiva biex jitlaqqa’ dan is-seminar biex tittieħed azzjoni dwar l-impatt soċjali tal-uġigħ u biex jinstabu metodi differenti li jtejbu l-politika tat-trattament fl-Ewropa.Aqra aktar

Send this to a friend