Alfred Sant | One News - Part 7

Notifiki

L-informazzjoni għodda kruċjali biex jonqsu t-tensjonijiet razzjali – Alfred Sant

It-tixrid tal-inforamzzjoni jservi ta’ għodda kruċjali li tnaqqas il-biża’ u l-ansjeta` li jinħolqu bl-immigrazzjoni qalb l-immigranti nfushom u dawk li jilqgħuhom fosthom, qal Alfred Sant, il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija Laburista fil-Parlament Ewropew waqt li indirizza l-Konferenza dwar ir-rwol ta’ dawk li jfasslu l-politika u r-rwol tal-ġurnalisti biex jifformaw il-perċezzjoni pubblika dwar l-immigrazzjoni.

Aqra aktar

Diffiċli u demokratikament dibattibbli li jintlaħaq qbil dwar il-budget Ewropew sa Mejju 2019 – Sant

Il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija Laburista fil-Parlament Ewropew Dr Alfred Sant qal li dawk eletti fil-Parlament Ewropew fl-2019 se jkollhom il-mandat demokratiku jivvotaw għall-pakkett finanzjarju wara l-kampanja elettorali u l-elezzjonijiet fl-istati membri tal-UE. Dr Sant qal li qbil fuq il-pakkett finali dwar il-baġit Ewropew 2021-2027 sa Mejju 2019 se jkun diffiċli u demokratikament dibattibbli.

Aqra aktar

L-Ewropej qed isibuha diffiċli jiddjalogaw dwar perspettivi futuri mal-Amerikani – Alfred Sant

Il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija Laburista tal-Parlament Ewropew Dr Alfred Sant qal lil grupp studenti mill-Kulleġġ tal-Ewropa fi Bruges li minħabba l-imprevedibbilita`, perċepita jew reali, tal-politika tal-President Donald Trump, l-Ewropej – inkluż dawk fil-Parlament Ewropew – qed isibuha aktar diffiċli biex ikollhom djalogu ma’ rappreżentanti tal-Istati Uniti li jistgħu jitkellmu b’mod awtoritevoli dwar perspettivi futuri tal-Istati Uniti.

Aqra aktar

ARA: Tkun ħasra jekk il-politika tal-kompetizzjoni titmexxa minn populisti tat-taxxa li qed jimbottaw għall-armonizzazzjoni – Alfred Sant

Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija Laburista tal-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li tkun ħasra jekk il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE tispiċċa titmexxa mill-populisti tat-taxxa li qed jimbottaw għall-armonizzazzjoni tal-politika tat-tassazzjoni u li ma għandhom l-ebda problema jużaw il-politika tal-kompetizzjoni biex jiksbu dan l-għan.

Aqra aktar

Alfred Sant jivvota kontra taxxa komuni fl-UE

Alfred Sant ivvota kontra r-rapport li jipproponi sistema ta’ Taxxa Korporattiva Komuni, u Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji, fost proposti ġodda oħra. Ir-riżoluzzjoni ‘Riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea’ tiċċara l-pożizzjoni dwar ir-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea. Għalkemm Dr Sant mhux kontra l-kunċett li l-Unjoni Ewropea jkollha r-riżorsi baġitarji tagħha stess, hu kontra riżorsi proprji li jiġu fil-forma ta’ Taxxa Korporattiva Komuni jew Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji.

Aqra aktar

Realtajiet u aspirazzjonijiet Għawdxin bl-arti fil-parlament Ewropew

L-Artisti Għawdxin Christopher Saliba, Rachel Galea, Manuel Farrugia u Anthony Caruana qed jesebixxu 24 xogħol tal-arti bit-tema ‘Inħaddnu l-bidla f’Għawdex’, fil-Parlament Ewropew fi Brussell. L-esebizzoni hija espressjoni artistika tal-aspirazzjonijiet tal-Għawdxin waqt li l-gżira Għawdxija għaddejja minn bidliet qawwija ekonomiċi, soċjali u kulturali minn ħdanha u minn barra.
Aqra aktar

Stati li baqgħu barra mill-politika ta’ difiża tal-UE ma għandhomx iġorru t-toqol finanzjarju ta’ aktar infiq fid-difiża

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew li l-istati membri li għażlu li jibqgħu barra mill-politika komuni ta’ difiża tal-Unjoni Ewropea ma għandhomx iġorru t-toqol finanzjarju ta’ nefqa akbar fid-difiża. L-Ewroparlamentari qal dan f’intervent fuq il-mozzjoni dwar ir-riżultat tal-laqgħa informali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta’ Frar li ddiskutiet il-prijoritajiet politiċi tal-baġit tal-Unjoni wara l-2020. Il-Kunsill qabel dwar nefqa akbar għat-trażżin tal-immigrazzjoni illegali, għad-difiża u s-sigurta` kif ukoll għall-programm Erasmus+.

Dr Sant qal li sa issa l-Unjoni Ewropea għadha mhix unjoni militari.

“In-nefqa tad-difiża għandha tibqa’ separata mill-qafas finanzjarju komuni tal-Unjoni Ewropea. B’hekk dawk li jridu jipparteċipaw f’unjoni ta’ difiża jkunu jistgħu jagħmlu dan, mingħajr ma jimponu piż żejjed fuq dawk l-istati membri li jixtiequ li ma jipparteċipawx. Meta nipproponu riżorsi għall-iffinanzjar tal-UE, is-sensitivitajiet ekonomiċi ta’ kull stat membru għandhom ikunu rrispettati. Bl-istess mod, prijoritajiet ġodda li jeħtieġu finanzjament ma għandhomx jiddegradaw il-koeżjoni bħala għodda kruċjali għal politika Ewropea. Iridu jikkonsidraw il-kostituzzjonijiet differenti tal-istati membri. Id-difiża issa għal xi wħud saret prijorita`. L-Unjoni Ewropea għalissa għadha mhix għaqda militari.” qal l-Ewroparlamentari.

Malta, id-Danimarka u r-Renju Unit iddeċidew li ma jipparteċipawx fil-ftehim ġdid tal-UE dwar id-difiża u s-sigurta`.

Dr Sant qal li minħabba l-prijoritajiet ġodda u l-ħofra li se toħloq il-Brexit, hemm il-ħtieġa li jinsabu metodi oħra għal finanzjament tal-qafas finanzjaru li jmiss. Dr Sant tkellem ukoll dwar l-għamla tal-Parlament Ewropew għal-leġiżlatura li jmiss, inkluż l-‘Spitzenkandidaten’ – il-proċess li bih ikun elett President ġdid għall-Kummissjoni Ewropea. Dan ukoll ġie diskuss fil-laqgħa informali tal-Kunsill.

“Din il-kwistjoni għandha tingħata aktar konsiderazzjoni kemm mill-Parlament Ewropew u kemm mill-Kunsill. Iż-żewġ partijiet qed jassumu ħafna affarijiet dwar id-demokrazija u l-leġittimita` politika li ftit jew xejn tappella għal poplu Ewropew.” saħaq Dr Sant.

Id-dħul finanzjarju ta’ Malta bit-taxxi jonqos bin-nofs bi proposti ġodda dwar tassazzjoni fl-UE

Id-dħul finanzjarju li fuqu Malta tiċċarġja t-taxxi jew li huwa taxxabbli se jonqos bin-nofs bi proposta ġdida dwar l-armonizzazzjoni tat-taxxi fl-UE li ġiet approvata fil-Kumitat Ekonomiku u Monetarju tal-Parlament Ewropew (ECON). Fl-ECON saret votazzjoni biex l-Unjoni Ewropea ddaħħal sistema ta’ kontabilità komuni għal kif id-ditti jirrapportaw il-finanzi tagħhom (imsejħa CCTB). Din hi maħsuba biex fost affarijiet oħra tressaq is-sistemi ta’ taxxa fil-pajjiżi membri qrib ta’ xulxin u mhix fl-interess ta’ Malta. Dil-proposta issa se titressaq għall-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew fis-sessjoni plenarja ta’ Marzu.

Alfred Sant ivvota kontra dawn il-proposti, bħalu għamlu Ewroparlamentari minn stati membri żgħar fl-UE fosthom minn Ċipru u l-Irlanda. Il-mozzjoni għaddiet b’maġġoranza komfortabbli.

Aqra aktar

L-ewroparlamentari għandhom jiġu eletti miċ-ċittadini – Alfred Sant

Alfred Sant qal lill-Parlament Ewropew li l-Ewroparlamentari għandhom ikunu eletti direttament miċ-ċittadini u mhux minn listi tal-partiti, la nazzjonali u wisq anqas transnazzjonali. Dr Sant qal dan waqt dibattitu dwar il-format tal-Parlament Ewropew fil-Plenarja ta’ Strasburgu. Il-Parlament Ewropew ivvota favur mozzjoni li tgħid li l-Parlament Ewropew għandu jiċkien minn 751 MPE and 705 MPE meta r-Renju Unit joħroġ mill-UE, waqt li s-siġġijiet li jonqsu jitqassmu fost il-pajjiżi ġodda li jidħlu fl-UE.

Aqra aktar

Send this to a friend