RIFORMA FIL-ĦINIJIET TAL-FTUĦ TAL-ĦWIENET

  • Ħwienet li riedu jiftħu il-Ħadd u minħabba kif kienet il-liġi, ma setgħux, se jkunu jistgħu jagħmlu dan mingħajr ħtieġa ta’ ħlas addizzjonali.
  • Il-ħwienet kollha li bħalissa mhumiex permessi li jiftħu nhar ta’ Ħadd se jkunu jistgħu jagħmlu dan bejn is-06:00 ta’ filgħodu u l-17:00 diment li jibqgħu magħluqa f’jum ieħor magħżul minnhom li jiġi kkomunikat lid-Dipartiment tal-Kummerċ.
  • Aktar flessibilità u tissaħħah il-work-life balance tal-ħaddiema kif qed jitlob is-suq tax-xogħol.

Dawn huma biss tliet bidliet imħabbra fir-rifroma fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet, li se twassal għal diversi opportunitajiet, kemm għas-sidien tan-negozji, kemm għall-ħaddiema, kif ukoll għall-konsumaturi.

Waqt li ndirizzaw konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu, il-Ministri Chris Cardona u Helena Dalli spjegaw li l-Liġi Sussidjarja dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ kif nafuha s’issa, tipprovdi mhux biss il-ħinijiet u ġranet normali ta’ ftuħ tal-istabilmenti tan-negozju, imma anki numru ta’ eċċezzjonijiet.

Il-Gvern għaraf li diversi regolamenti m’għadomx jirriflettu l-ħtiġijiet, la tan-negozjant u lanqas tal-konsumatur. Dan apparti li kienu qed joħolqu sitwazzjoni nġusta lil ċerti sidien tal-ħwienet u sa ċertu punt diskriminatorja bejn ħanut u ieħor minħabba z-zona li joperaw fiha.

Il-Ministru Cardona qal li l-programm ta’ ħidma tal-Gvern jitkellem b’mod ċar dwar il-ħtieġa li n-negozji jitħallew jaħdmu.

Ir-riforma li qed inħabbru llum, flimkien mat-tneħħija tal-Liċenzji kummerċjali huma l-aqwa prova li dan il-Gvern qiegħed jilħaq din l-aspettativa.

Fost oħrajn il-liġi kienet tipprovdi li ħwienet li m’humiex turistiċi u li jbiegħu oġġetti predenominantli essenzjali jistgħu jiftħu l-Ħadd sas-siegħa ta’ wara nofsinhar, iżda grocers ma setgħux. Kuntrarjament, f’lokalitajiet turistiċi l-grocers setgħu jiftħu il-Ħadd għal ċertu ħinijiet, jekk dawn ma jkunux ikbar minn 350 metru kwadru. Ħwienet oħra setgħu biss jiftħu il-Ħadd jekk jingħataw permess permess speċjali għal ħlas ta’ kwazi 700 Ewro.

Waqt il-konsultazzjoni ħarġet biċ-ċar li ma’ għadux prattiku li wieħed joħloq xi tip ta’ kategoriji li jididistingwu bejn tip ta’ ħanut u sabiex ċertu ħwienet ikunu jistgħu jestendu il-ħinijiet tal-ftuħ tagħhom fil-ġranet li diġa semmejt fil-waqt li oħrajn ma setgħux. Għalhekk il-liġi se ddaħħal l-bidliet li ġejjin:

Grocers u Supermarkets ser ikunu jistgħu jiftħu nhar ta’ Ħadd fil-lokalitajiet mhux turistiċi bejn 06:00-01:00 eżatt l-istess bħal ħwienet oħra li jbiegħu oġġetti essenzjali.

Ir-restrizzjoni abbazi ta’ d-daqs ta’ grocers ta’ 350 metru kwadru f’lokalitajiet turistiċi ser titneħħa

DĦUL TA’ CRUISE-LINERS F’MALTA

Il-liġi bħalissa tipprovdi li l-ħwienet tal-Belt biss jistgħu jibqgħu miftuħin nhar ta’ Ħadd kull meta cruise-liner ikun fil-port irrispettivament fejn qed jiġi ankrat, pero’ dan ma japplikax għal postijiet oħra madwar il-port il-Kbir. Ir-riforma qed testendi l-eżenzjoni mogħtija lill-Belt Valletta lil Bormla, Birgu, Isla u Kalkara meta cruise-liner ikun ankrat fuq dik in-naħa tal-Port il-Kbir u b’hekk il-ħwienet fil-viċinanzi jkunu jistgħu jisfruttaw minn numri kbar ta’ turisti li jżura pajjżna b’dan il-mod.

TKOMPLI TITNAQQAS IL-BUROKRAZIJA

Il-liġi kienet tirrekjedi li kull ħanut kien obligat li japplika ma’ t-Trade Licencing Unit sabiex jingħata permess biex jestendi l-ħinijiet ta’ n-negozju tiegħu ġurnata minn fost il-Ħamis, il-Ġimgħa u s-Sibt, kif ukoll biex ħwienet jiftħu fil-festi pubbliċi u jibqgħu miftuħa Ħadd il- Karnival u Ħadd il- Għid, kien jeħtieġ li l-Ministru joħroġ avviż fil-Gazzetta tal-Gvern kull darba.

Ir-riforma se tassigura li l-ħwienet kollha jingħataw il-possibilità li jestendu l-ħinijiet tan-negozju tagħhom sa l-22:00 nhar ta’ Ħamis, il-Ġimgħa u s-Sibt mingħajr ma jkollhom il bzonn li jitolbu permess.  Il-ħwienet kollha jkunu jistgħu jiftħu fil-festi pubbliċi (minbarra l-Gimgħa l-Kbira) li ma jaqgħux fuq il-Ħadd, mingħajr il-ħtieġa tal-proċedura attwali fejn il-Ministru jkollu joħroġ avviż kull darba. Il-ħwienet se jkunu jistgħu jibqgħu miftuħa matul Ħadd-il-Karnival, u f’Ħadd-il-Għid (Jum il-Milied huwa kopert mill-perjodu fejn diga tapplika eċċezzjoni tal-Milied).

BĦALA RIŻULTAT TA’ DAWN IL-BIDLIET FIL-LIĠI

  1. Il-ħwienet tal-Kottonera ser jkollhom l-istess opportunita bħal ħwienet tal-Belt meta cruise liner ikun irmiġġat dik in naħa tal-port. Dan joħloq kundizzjonijiet ugwali bejn l-ħwienet fil-Belt Valletta u dawk fil-partijiet l-oħra taż-żona tal-Port il-Kbir.
  1. Qed jitneħħa l-obbligu li ħwienet japplikaw ma’ t-Trade Licencing Unit biex jakwistaw permess biex jestendu is-sigħat tal-Ftuħ nhar ta’ Ħamis, Ġimgħa jew Sibt.
  1. Qed tiġi eliminata l-burokrazija involuta fil-ħruġ ta’ avviż ta’ eżenzjoni u l-inċertezza li din toħloq fost is-sidien tal-ħwienet u l-kosumaturi, billi ma tħallix aktar l-eżenzjoni rigward festa pubblika fid-diskrezzjoni tal-Ministru.
  1. Iddaħlu regoli aktar vantaggjuzi għall- grocers f’postijiet mhux turistiċi sabiex ikunu jistgħu jikkompetu huma wkoll b’mod aktar ġust.
  1. Ser jiġi frankat il- ħin u l-ispejjeż għall-Pulizija u l-qrati u l-multi għall-komunità tan-negozju meta jsir ftuħ li mhux legali. Dan se jnaqqas il-piż fuq il-Pulizija li huma responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet relattivi minbarra d-dmirijiet oħra tagħhom.
  1. Qed tiġi estiża l-opportunità ta ‘xiri għall-konsumaturi li jsibuha diffiċli biex jmorru jixtru matul il-ħinijiet tal-ftuħ normali ta’ matul il-ġimgħa minħabba n-necessitajiet tal-ħajja tagħhom.
  1. Qed jingħataw aktar opportunitajiet ta’ bejgħ għall-ħwienet.
  1. Ser jkunu provduti opportunitajiet għall-sahra, ħinijiet tax-xogħol alternattivi u xogħol part time għall-ħaddiema Għalhekk l-impatt li se jkollha din ir-riforma se twassal għal-sinerġja aħjar bejn il-bżonnijiet tal-konsumatur u dawk tal-ħwienet.

Il-Ministru Helena Dalli spjegat diversi punti importanti li jolqtu lill-ħaddiema. Fosthom li l-erbgħin siegħa xogħol ser ikunu mifruxa fuq sitt ijiem u mhux ħamest ijiem u nofs. Minħabba f’hekk, permezz ta’ l-emendi, qed titneħħa d-definizzjoni ta’ nofs ġurnata (half days).

L-erbgħin siegħa se jkunu jistgħu jkunu mifruxa fuq numru inqas ta’ ġranet biex tiddaħħal aktar flessibilita’ u tissaħħah il-work-life balance tal-ħaddiema kif qed jitlob is-suq tax-xogħol. Bhala gvern ahna kommessi li nkomplu ndahhlu dawk il-mizuri kollha neċessarji biex ikun hemm aktar bilanċ bejn l-impenji tax-xoghol u dawk familjari.

Spjegat ukoll li l-emendi qed jistipulaw li sakemm m’hemmx kuntratt tax-xogħol li torbot lil ħaddiem jaħdem il-Ħadd, ħaddiem irid jagħti l-kunsens tiegħu jew tagħha bil-miktub biex jaħdmu l-Ħadd.

Dan qed isir ghaliex il-Gvern huwa konxju li hawn haddiema li l-ġurnata tal-Ħadd ikunu jixtiequ jqattgħuha mal-familjari. Fl-istess ħin hawn ħaddiema ohrajn li jippreferu jaħdmu l-Ħadd u jibbenefikaw mill-inċentiv tal-ħlas doppju. Ħaddiem jista’ ikun obligat li jaħdem il-Ħadd, jekk ikun provda bil-miktub lil min iħaddmu li lest jaħdem fil-jum tal-Ħadd. Il-Ministru fakkret li ħaddiema li jaħdmu l-Ħadd jitħallsu doppju.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru spjegaw li dan il-Gvern se jibqa’ jaħdem favur in-negozju, il-ħaddiem u l-konsumatur, jaqta’ l-ktajjen żejda tal-burokrazija, jibqa’ jaġġorna l-liġijiet neċċessarji għaż-żmenijiet tal-llum, filwaqt li jibqa’ jagħmel differenza f’ħajjet in-nies li twassal għal vantaġġi, benefiċċji u riżultati konkreti.

 

Ta’ QabelLi Jmiss