Malta titfa’ l-offerta tagħha biex l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini tibda topera minn pajjiżna | One News

Malta titfa’ l-offerta tagħha biex l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini tibda topera minn pajjiżna

Malta uffiċjalment tefgħet l-offerta tagħha biex l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini tibda topera minn pajjiżna.

Aġenzija li bħalissa qed taħdem minn Londra, imma li fid-dawl ta’ Brexit se jkollha tiċċaqlaq għal belt oħra Ewropea.

Għaldaqstant Malta se tingħaqad ma’ bosta pajjiżi li wrew ix-xewqa u l-interess li jkunu huma li jilqgħu din l-aġenzija.

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini hija responsabbli mill-evalwazzjoni xjentifika, is-superviżjoni u l-monitoraġġ ta’ sigurtà tal-mediċini żviluppati minn kumpaniji farmaċewtiċi għall-użu fl-Unjoni Ewropea.

Pajjiżna qed juri r-rieda li jilqa’ din l-Aġenzija, għaliex il-Gvern jemmen li pajjiżna joffri bosta vantaġġi: faċilità ta’ komunikazzjoni b’numru ta’ lingwi, ħaddiema mħarrġa u infrastruttura tal-informatika b’saħħitha, kif ukoll vantaġġi għall-ħaddiema, fosthom servizz tas-saħħa u tal-edukazzjoni b’xejn u ta’ kwalità, aċċess għal attivitajiet sportivi u kulturali, distanzi qosra ta’ vjaġġar u konnettività eċċellenti bl-ajru, u temp mill-aqwa. Kif spjegat il-Ministru Helena Dalli.

“Dan hemm 900 ħaddiema li jaħdmu f’din l-aġenzija, apparti li jkollhom kuljum madwar 300 persuna li tiġi għal meetings fl-aġenzija ta’ kuljum, imorru u jiġu. Pero huma qed jagħtu importanza ħafna lill-ħaddiema tagħhom li jaħdmu hemmhekk fejn jixtiequ jmorru huma. Ovvjament dawn jiġu bil-familji tagħhom. Trid tara għal skejjel, kwalità ta’ ħajja, fejn iħussuhom siguri u aħna naħsbu li ħafna minn dawk il-punti pajjiżna jaf ikun perfett,” qalet dan il-Ministru Dalli.

Il-Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, ħabbar li l-impjegati u l-familji tagħhom se jkunu qed jibbenefikaw minn saħħa b’xejn, u edukazzjoni b’xejn, sa livell terzjarju, kif ukoll childcare b’xejn.
Serracino Inglott qal li l-EMA għandha ‘il fuq minn 1,000 awtorizzazzjoni, li minn taħtha jgħaddu madwar 27% tal-bejgħ farmaċewtiku globali. Dan bi dħul ta’ €304 miljun, u ħlas ta’ madwar €104 miljun fi ħlas ta’ expertise fl-Ewropa.
Barra minn hekk minn pajjiżna, l-EMA tkun tista’ testendi l-ħidma tagħha biex tgħin pajjiżi inqas żviluppati f’dan l-aspett, partikolarment fl-Afrika, jiżviluppaw fir-regolamentazzjoni tal-mediċini.

Għal din l-Aġenżija, il-Gvern Malti qed joffri binja state-of-the-art apposta għaliha, b’ambjent u teknoloġiji li jwieġbu għall-isfidi tal-preżent u tal-ġejjieni. Dan b’investiment li mistenni jlaħħaq mal-ħamsin miljun ewro.

L-offerta qed titpoġġa anke fid-dawl tal-avvanzi li qed tagħmel l-awtorita tagħna tal-Medicini u x-xoghol li qed taghmel fuq livell ewropew u internazzjonali.

Kien spjegat li f’dan l-istadju Malta qed turi l-interess sħiħ tagħha li jkollha lil din l-Aġenzija f’pajjiżna. Deċiżjoni li però ma tiġix minn pajjiżna, hekk kif il-kompetizzjoni minn pajjiżi oħra hija kbira.

Minn naħa tiegħu mal-offerta tiegħu ħareġ pubblikazzjoni li tispjega f’ċertu dettall għaliex Malta għandha tkun l-għażla tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini.

Ladarba r-Renju Unit japplika Artiklu 50, ikun għad fadal sentejn biex din l-Aġenzija tirreloka f’pajjiż iħhor.
Ta’ QabelLi Jmiss