Il-Ministeru għas-Saħħa ċaħad kategorikament rapport fuq il-gazzetta Il-Mument li jivvinta li fl-isptar Mater Dei hemm pazjenti li qegħdin jingħataw kura fil-kurituri.
Fi stqarrija l-Minsteru innota li r-ritratti li pubblikat il-gazzetta juru pazjenti li qegħdin jistennew għal testijiet fid-dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar u mhux, kif ipprovat tagħti l-impressjoni l-Mument, li qed jinżammu għall-kura fil-kurituri. Il-Partit fl-Oppożizzjoni jirrikorri għal dawn it-tattiċi għaliex ma jistax jaċċetta li, filwaqt li fl-aħħar sena ta’ gvern Nazzjonalista kien hemm aktar minn 8,000 ruh fil-kurituri, għal dawn l-aħħar 6 xhur ma kien hemm ebda pazjent fil-kurituri.
L-isfidi f’Mater Dei huma kontinwi, speċjalment fi żminijiet fejn ikun hemm żieda staġjonali ta’ nies l-Isptar, iżda bil-politika addotata f’dawn l-aħħar snin, seħħew bidliet pożittivi u r-riżultati jitkellmu waħidhom.
Illum żewġ terzi tal-pazjenti li jidħlu l-Emerġenza jkunu lesti mill-kura kollha li jkollhom bżonn f’inqas minn erba’ sigħat. Fl-Emerġenza wkoll infetħet, għall-ewwel darba f’pajjiżna, emerġenza ġdida għat-tfal immexxija minn konsulent li speċjalizza f’emerġenza tat-tfal.
Minflok tkun bitter bi stejjer ivvintati, l-Oppożizzjoni għandha tirrikonoxxi li l-qasam tas-saħħa miexi ‘l quddiem għall-ġid tal-pazjenti kollha Maltin u Għawdxin, ittemm tgħid l-istqarrija.