AĠĠORNAT 2: Jolqtu lilu u lill-kelb f’Wied il-Għajn – il-kelb imut tal-post

17:27: Il-Pulizija kkonfermat li qiegħda żżomm raġel sabiex jgħinha fl-investigazzjonijiet tagħha,  b’rabta ma’ dan il-każ.

Aktar qabel: Inċident sfortunat fi Triq Villabate fil-bypass ta’ Wied il-Għajn wasslet biex raġel safa milqut minn karozza u l-kelb tiegħu miet fuq il-post.

Għall-ħabta tas-sagħtejn u kwart ta’ waranofsinhar il-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm seħħ inċident tat-traffiku fi Triq Villabate, Ħaż-Żabbar (bypass ta’ Marsaskala).

Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ li sar, irriżulta li raġel ta’ 41 sena, residenti ż-Żejtun u l-kelb tiegħu sfaw milquta minn vettura.  Jidher li għal xi raġuni, is-sewwieq involut fil-każ telaq minn fuq il-post.

Ir-raġel ittieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza sabiex jingħata l-kura meħtieġa iżda l-kundizzjoni tiegħu għadha mhux magħrufa.

Fuq il-post issejhet ukoll ambulanza tal-annimali iżda sfortunatament il-kelb miet fuq il-post.

Kull min għandu xi tip ta’ informazzjoni li tista’ tgħin fl-investigazzjoni b’rabta ma’ dan il-każ, huwa ġentilment mitlub jgħaddiha lill-Pulizija billi jirrikorri fl-eqreb Għassa jew, anki b’mod kunfidenzjali, billi jċempel fuq 119 jew 21 224001.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.

kelb2

kelb3

Ta’ QabelLi Jmiss