“Il-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza Maltija qed jaqdfu fl-istess direzzjoni”

Il-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza Maltija, bis-sitt prioritajiet tagħha, qed jaqdfu fl-istess direzzjoni.

Dan kliem il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean Claude Juncker, f’konferenza tal-aħbarijiet mal-Prim Ministru Malti Joseph Muscat.
Juncker innota kif, minkejja li fil-passat kienu avversarji f’ideoloġiji politiċi, illum mal-Prim Ministru Malti għandu relazzjoni personali u professjonali mill-aqwa.

Xi ħaġa li, flimkien mal-preparamenti ta’ pajjiżna, ittih iktar kunfidenza li pajjiżna se jmexxi dawn is-sitt xhur ta’ Presidenza b’mod eċċellenti.
Innota bi pjaċir kif Malta se tiffoka fuq id-dimensjoni soċjali, u ffoka wkoll fuq l-immigrazzjoni fejn qal li jinsab perswaz li Malta tista’ tkompli tmexxi ‘l quddiem din il-kwistjoni.

Minn naħa tiegħu l-Prim Ministru Joseph Muscat tenna li l-ħidma f’dawn is-sitt xhur għandha ssarraf f’bidliet għall-aħjar għaċ-ċittadini u l-familji Ewropej.

Dan hekk kif hemm firda bejn id-dinja politika u l-familji. Familji li mhux dejjem jaraw il-ġid jitqassam b’mod ġust.
Dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li approvat il-proġett tal-enerġija Malti, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li jinsab sodisfatt b’dan il-pass importanti li diġà fisser tnaqqis ta’ 25% fil-kontijiet, it-tmiem tal-Heavy Fuel Oil, u arja iktar nadifa.
Progett li bil-pipeline tal-gass, fis-snin li ġejjin, se jgħaqqadna man-netwerk tal-gass ewropew.

Ritratt: Omar Camilleri
Ta’ QabelLi Jmiss