Id-diżgwid intern fi ħdan il-PN jkompli joħroġ fil-beraħ

Id-diżgwid intern fi ħdan il-Partit Nazzjonalista ilu jinħass, iżda iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed joħroġ fil-beraħ in-nuqqas ta’ qbil li hemm fil-Partit Nazzjonalista.

Kienet il-Kunsilliera Nazzjonalista ta’ Santa Luċija, Caroline Galea, li lbieraħ ,għall-kuntrarju ta’ dak li għamel il-Kap tal-PN Simon Busuttil, irreaġixxiet għal dak li kiteb il-kandidat tal-PN Salvu Mallia u r-reazzjoni li segwiet wara.

Fil-messaġġ li kitbet Galea qalet li bħala kandidata tal-Partit Nazzjonalista hi ukoll għandha opinjonijiet personali b’saħħithom dwar  kwistjonijiet li sejħitilhom jaħarqu, iżda hi ukoll membru tal-Eżekuttiv tal-PN u kburija b’din il-kariga.

Galea qalet li hi qed tgħid hekk għax taf u tifhem li diskussjonijiet fuq temi importanti u sensittivi m’għandhom qatt isiru mill-Kandidati fuq siti soċjali b’mod każwali iżda għandhom jitressqu quddiem l-istrutturi tal-PN għal studju u diskussjoni matura.caroline

Hi kompliet tgħid li hekk dejjem sar u hekk għandu jsir.

“Nikkonferma li fl-Eżekuttiv tal-PN mhux dejjem kulħadd jaqbel miegħi meta jien nitkellem fuq kwistjonijiet differenti iżda nemmen li ngawdi r-rispett tal-kollegi tiegħi anke meta huma ma jaqblux mieghi! Fl-aħħar mill-aħħar, fuq kwalunkwe ħaġa, partit politiku b’pużizzjoni waħda biss jista’ joħroġ! Kandidat għandu jibqa’ leali anke jekk ma jaqbilx ma dik il-pużizzjoni u jibqa’ jaħdem internament jekk iħoss li għandu u jista’ jġib bidla!” kompliet tgħid fil-messaġġ li kitbet Galea.

Hi temmet billi appellat għall-kalma fit-ton tad-diskussjoni, b’mod speċjali fuq is-sit soċjali Facebook u qalet li għandna neżercitaw rispett u sensittività.

Meta wieħed iħares lejn il-kummenti taħt il-messaġġ li kitbet, kienu bosta li kkummentaw li jaqblu ma’ dak li hi kitbet u kif ukoll għamlu ‘like’, b’diversi uċuħ li huma assoċjati mal-Partit Nazzjonalista.

Fost dawk li deheru li jaqblu mal-messaġġ ta’ Galea kien hemm il-Perit Philip Mifsud, eks-kandidat tal-Partit Nazzjonalista, fejn riċentament spiċċa b’botti u risposti mal-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Salvu Mallia. Mifsud kiteb lil Galea f’kumment li jaqbel perfettament ma’ dak li kitbet, tant hu hekk li meta hu kien fil-pożizzjoni tagħha dejjem għamel hekk.

Persuni oħra li huma assoċjati mal-Partit Nazzjonalista u li qablu mal-messaġġ ta’ Galea permezz ta’ like jew kumment taħt kienu l-eks kandidata tal-Partit Nazzjonalista Ingrid Brownrigg li ukoll wissiet lill-PN dwar Salvu Mallia, il-Kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalsita Justin Schembri, u kif ukoll il-preżentatur fuq in-NET Television, Jean Claude Micallef.

 

Ta’ QabelLi Jmiss