GreenPak b’suċċess fil-ġbir ta’ fliexken minn ristoranti  

Is-servizz ta’ kuljum tal-ġbir ta’ fliexken tal-ħġieġ minn bars u ristoranti tul il-perjodu tal-Milied kien suċċess, b’iktar minn 3,960 kilo’ ta’ fliexken miġbura f’temp ta’ ġimgħatejn mill-Front tal-Gżira sa San Ġiljan.

Li kieku dawn il-fliexken tal-ħġieġ ma nġabrux għar-riċiklaġġ, kienu jispiċċaw fil-miżbliet (landfills), u jkomplu jagħfsu fuq il-ħtieġa li Malta għandha għal iktar depożitarji tal-iskart.

Il-GreenPak Coop Society kompliet tibni fuq is-suċċess li kisbet bil-proġett pilota tas-sajf 2016, u mill-ġdid offriet is-servizzi tagħha mingħajr ħlas lill-bars u ristoranti tul il-Front minn Manoel Island sat-telgħa ta’ Spinola.

“Il-ħġieġ jista’ jkun riċiklat ħafna drabi mingħajr ma jitlef mill-karatteristiċi tiegħu. Iktar ma jkun hemm ħġieġ riċiklat, iktar tonqos id-domanda għall-enerġija użata fil-proċess ta’ produzzjoni u b’hekk ikun qed jonqos l-użu tar-riżorsi naturali, filwaqt li jitnaqqsu l-emissjonijiet li jikkawżaw ħsara,” qal il-Kap Eżekuttiv ta’ GreenPak l-Inġ. Mario Schembri.

Is-servizz ta’ ġbir ta’ fliexken tal-ħġieġ sar kuljum bejn is-17 ta’ Diċembru 2016 sat-2 ta’ Jannar 2017. Is-servizz sar b’kollaborazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali tal-Gżira, Tas-Sliema, u San Ġiljan, flimkien mad-Dipartiment tas-Servizzi tat-Tindif.

 

Ta’ QabelLi Jmiss