Budget 2018 | One News - Part 4

Notifiki

Tisħiħ tas-sigurtà tal-pajjiż

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili se jkun qed ikompli jsaħħaħ il-flotta tiegħu bix-xiri ta’ vetturi tat-tifi tan-nar għal binjiet high rise, dan sabiex id-dipartiment ikun mgħammar għal sfidi ġodda fl-industrija tal-kostruzzjoni. Se jkun qed jinbeda l-bini tal-istazzjon tat-tifi tan-nar fil-lokalita ta’ Santa venera.Aqra aktar

Se titħawwel siġra għal kull wild ġdid

Bl-għan li jkompli jsir tisbiħ tal-ambjent, mis-sena d-dieħla l-Gvern se jkun qed jiżra’ siġra f’isem kull tifel u tifla li jitwieldu f’pajjiżna. Dan ifisser li kull sena se jkunu qegħdin jitħawlu madwar 4,000 xitel ta’ siġar.

Titwaqqaf Ambjent Malta

Din is-sena qegħdin isiru preparamenti biex titwaqqaf Ambjent Malta bl-iskop li tindokra u tieħu ħsieb il-wirt naturali ta’ pajjiżna.

B’dan il-mod, il-Gvern se jkun qed jiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-immaniġġjar ta’ siti Natura 2000 filwaqt li se nkunu qegħdin nagħmlu l-kampanja tagħna aktar aċċessibbli għaċ-ċittadin. Permezz ta’ hekk il-Gvern se jkun qed jippromwovi ukoll infrastruttura ħadra għaż-żoni urbani.

Se jkun qed jiddaħħal ukoll infurzar filwaqt li jiddaħlu multi ogħla biex tiddaħħal iktar dixxiplina fost il-poplu Malti biex ikollna pajjiż aktar nadif.

Skemi għall-ġbir ta’ skart organiku u kontenituri tax-xorb

Fl-aħħar leġiżlatura il-Gvern nieda l-proġett pilota ma’ terz tal-lokalitajiet kollha Maltin biex l-iskart organiku jinġabar fil-borża l-bajda.

Mis-sena li ġejja, dan l-eżerċizzju se jinfirex mal-lokalitajiet kollha ta’ Malta u Għawdex.

Il-Gvern se jibda wkoll diskussjonijiet mas-settur privat biex joperaw skema ta’ sistema ta’ depożitu fuq kontenituri tax-xorb, kemm ħġieġ kif ukoll plastik, li meta wieħed jiddepożitahom jew jirritornahom, il-konsumatur se jkun qed jirċievi refund.

Investiment ta’ €150 miljun biex mill-iskart niksbu l-enerġija

Il-Gvern se jinvesti fi proġett infrastrutturali t’aktar minn mija u ħamsin miljun ewro biex mill-iskart niksbu l-enerġija.

Dwar dan il-proġett, waqt il-qari tal-baġit, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna reġa’ stieden lill-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex ma tibqax tilgħab gallarija u tipparteċipa fil-kumitat li qed jiddiskuti l-proġett tal-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-iskart.

Dan fid-dawl li sa sentejn oħra l-miżbla tal-Għallies se tkun mtliet u jekk pajjiżna ma jagħmel xejn ikun jeħtieġ madwar tmenin tomna t’art kull għaxar snin biex fiha jintrema’ l-iskart.

Send this to a friend